Il-Ministeru għall-Ġustizzja fi stqarrija ċaħad l-allegazzjonijiet skorretti li ma ttieħdu l-ebda passi biex tissaħħaħ il-professjoni legali fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta interna li ġiet konkluża lura fl-2020.
Dan b’reazzjoni għal kummenti identiċi li taw lill-midja fi tmiem il-ġimgħa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u l-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina, f’attakk sistematiku kontra l-Avukat Ġenerali.
L-istqarrija tgħid kif aktar minn hekk dwar dak li kitbet dwaru l-midja u li dwaru ħarġet stqarrija l-Oppożizzjoni, il-Ministeru għall-Ġustizzja jfakkar li din hi wkoll kwistjoni ta’ etika professjonali, u kwalunkwe ksur ta’ etika jista’ jkun investigat mill-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali kemm ex-officio, jew wara li jinġieb għall-attenzjoni minn kwalunkwe persuna.
Aktar kmieni llum il-Ministru għall-Ġustizzja kiteb formalment lill-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali biex jistħarrġu u jinvestigaw dak li qed ikun irrappurtat fil-midja.
Ingħad kif filwaqt li huwa dmir ta’ kull professjonist li jsegwi l-kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni legali, ir-riżultanzi tal-imsemmija inkjesta interna kienu wasslu biex daħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri kemm kontrattwali kif ukoll fuq l-etika tal-professjonisti biex jipprovdu għas-sitwazzjoni ta’ revolving door.
L-Ministeru għall-Ġustizzja qal li huwa infurmat li sussegwenti għall-konklużjonijiet tal-inkjesta, ġiet introdotta klawżola li tistabbilixxi li l-impjegati fi ħdan l-Avukat Ġenerali m’għandhomx, waqt li jkunu għadhom impjegati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jidhru għall-klijenti privati jew jidħlu f’xi negozjati dwar termini ta’ ingaġġ bħala avukati difensuri ma’ klijenti privati, jew personalment jew permezz ta’ terzi.
L-istqarrija qalet kif il-prosekuturi fi ħdan l-Avukat Ġenerali m’għandhomx, qabel it-terminazzjoni tal-impjieg, jagħmlu xi arranġamenti jew preparazzjonijiet biex jaġixxu, biss jew b’mod kolleġġjali ma’ Avukati u/jew ditti legali oħra f’isem kull persuna li kontrihom tkun qed titmexxa prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jew, li dwarhom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien jagħti parir jew ippreżenta xi att ġudizzjarju.