“Sitwazzjoni tal-biża’ u terrur.”
Hekk ġew deskritti x-xeni ta’ konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u li qed jaraw b’għajnejhom l-Ambaxxatriċi Maltija għal Iżrael, Cecilia Attard Pirotta, u r-Rappreżentant Malti fil-Palestina, Franklin Aquilina.
Kien is-Sibt li għadda meta grupp militari Iżlamiku ta’ Gaza, il-Hamas, irnexxielu jinfiltra, b’mod sistematiku, f’territorju kkontrollat mill-Iżraeljani u beda jwettaq atroċitajiet bħal ħtif ta’ persuni, fost l-oħrajn.
F’kumment telefoniku, Attard Pirotta qalet kif fl-aħħar ħinijiet l-Istat Malti kompla għaddej bil-ħidma tiegħu biex jassigura l-protezzjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità Maltija fl-Art Imqaddsa.
Hi tkellmet ukoll kif l-Air Malta, bħall-maġġoranza tal-linji tal-ajru oħrajn, kellha tħassar it-titjiriet lejn l-ajruport Iżraeljan.
“Minħabba s-sitwazzjoni l-Air Malta kważi kienet sforzata biex ma ttirx lejn Iżrael u fil-fatt din hi s-sitwazzjoni b’ħafna linji tal-ajru oħrajn. Ftit huma l-linji tal-ajru li qed itiru. Bħala Maltin li qabdu mal-ambaxxata kien numru żgħir, xi sebgħa, tajnihom l-għajnuna li kellhom bżonn, kellek l-ewwel wieħed li diġà telaq minn hawn u nittamaw li fis-sigħat li ġejjin, dawk li għandhom jitilqu jkunu telqu minn Iżrael.”
S’issa, l-awtoritajiet Maltin huma informati li mhemm l-ebda persuna ta’ nazzjonalità Maltija li tinsab maqbuda fit-territorji Palestinjani.
Magħna, l-Ambaxxatriċi ta’ pajjiżna għal Iżrael semmiet ukoll kif f’dan il-konflitt qed jinqatlu mijiet ta’ nies, bir-rata mistennija tkompli tiela’ minħabba li hemm għexieren li għadhom ma nstabux.
“Kellek it-terroristi li nvadew it-territorju Iżraeljan u dawn bdew iħabbtu bieb, bieb u bdew joqtlu n-nies bl-addoċċ. Hemm familji sħaħ li ġew maqtulin u għad hemm nies li ma sabuhomx.”
Filwaqt li kkundanna bl-aktar mod qawwi dak li qed jiġri, Franklin Aquilina nnota wkoll kif in-nies f’Gaza u territorju ieħor Palestinjan qed jgħixu taħt l-okkupazzjoni.
“Dawn ilhom taħt imblokk għal 20 sena, imdawrin b’ħajt. In-naħa l-oħra fix-Xatt tal-Punent, għandek miljuni oħrajn ta’ Palestinjani li ilhom għal aktar minn 50 sena jgħixu taħt okkupazzjoni. Ovvjament attakki terroristċi, jew bħalma qed naraw, qatt mhuma aċċettati u kundanabbli. Però wieħed irid jara wkoll il-kuntest ta’ x’qed jiġri.”