L-attakki kontinwi fuq l-Awtorità tax-Xandir mill-Partit Nazzjonalista kienu maħsuba biex iservu ta’ intimidazzjoni fuq din l-istituzzjoni. Dan bil-għan li din ma tiħux passi legali kontra l-Partit Nazzjonalista stess għall-fatt li ilu ma jħallas il-liċenzji tal-midja tiegħu għal numru ta’ snin.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista kkonfermaw ma’ ONE NEWS li l-istrateġija hi li l-Awtorità tax-Xandir tkun attakkata b’saħħa liema bħalha. Qabel xejn biex tiddeċiedi kif irid il-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll bil-għan li ma tiħux passi kontra l-midja tiegħu, li ilha snin ma tħallas dak dovut minnha skont il-liġi.
Fuq quddiem nett ta’ dan l-attakk hemm l-eks Ministru Francis Zammit Dimech u l-eks Segretarju Ġenerali Paul Borg Olivier. Fil-Partit Nazzjonalista huma fdati jikkordinaw l-attakk fuq l-awtorità u l-PBS, fost oħrajn.
Iżda, wara ħafna twissijiet biex is-sitwazzjoni tkun riżolta bil-kelma t-tajba, fl-aħħar ġimgħat l-Awtorità tax-Xandir kellha tmur il-Qorti ħalli tiġbor il-flus dovuti għal-liċenzji biex ikunu jistgħu jxandru l-istazzjonijiet Nazzjonalisti. F’dan il-każ kważi sebgħin elf ewro.
L-Awtorità resqet rikors fil-konfront tal-kumpanija Media.link, li hi responsabbli mill-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista. Mar-rikors imressaq ġew annessi wkoll numru ta’ invoices, li jikkonfermaw dan kollu, għax saħansitra jmorru numru ta’ snin lura.
Jirriżulta li l-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista dejjem qalet li se tħallas il-liċenzja tat-televiżjoni u r-radju tagħha, iżda minflok il-partit fetaħ attakk fuq l-awtorità. Kien Bernard Grech innifsu li kien mar fil-bini tal-awtorità fil-Ħamrun u ħareġ jheddidha wara laqgħa li kellu hemm.
Minbarra l-liċenzji mhux imħallsin, marbutin max-xandir tat-televiżjoni u tar-radju, il-kumpanija Media.link ma ħallsitx ukoll għall-użu tal-antenna f’Ħal Għargħur.