Eluf ta’ persuni vulnerabbli wieġbu għall-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa u, fl-ewwel jum tal-iskeda tat-tilqim tal-influwenza, żaru xi ċentru tas-saħħa f’pajjiżna biex jitlaqqmu kontra dan il-virus.
F’din l-ewwel ġimgħa ta’ tilqim kontra l-influwenza, huma eliġibbli dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli, fosthom l-anzjani, persuni b’mard kroniku, nisa tqal u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Imbagħad, mit-Tnejn sittax t’Ottubru, it-tilqim se jibda jingħata lil kulħadd miċ-ċentri tas-saħħa kollha f’pajjiżna, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar.
Kmieni t-Tnejn filgħodu, crew ta’ ONE News bakkar biswit iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, fejn rajna l-andament mexxej ta’ diversi persuni li marru biex jitlaqqmu, lejlet ix-xhur xitwin.
Tkellimna maċ-Charge Nurse Ronald Barbara, li qalilna kif dawk li jmorru biex jitlaqqmu kontra l-influwenza, jistgħu jitlaqqmu wkoll kontra l-varjanti tal-COVID-19.
Qal, “Importanti li nfakkru lin-nies li l-ewwel ġimgħa hi l-ġimgħa li nagħtu s-servizz lil nies vulnerabbli, jiġifieri dawk li għandhom aktar minn ħamsa u ħamsin sena, kull min għandu xi marda kronika jista’ jaqbad u jiġi, nisa tqal ukoll huma siguri li jeħduha, u l-ħaddiema kollha u carers kollha li jaħdmu fl-isptarijiet għandhom dritt li jeħduha dil-ġimgħa. Mill-ġimgħat li ġejjin, tkun miftuħa għal kulħadd.”
Huwa saħaq fuq l-importanza li n-nies jitlaqqmu biex jevitaw mard bla bżonn, f’xhur iddominati mill-influwenza u viruses oħrajn.
Fakkar li min imur biex jitlaqqam, irid jieħu miegħu l-karta tal-identità, maskra u r-rekords mediċi ta’ titqib ieħor fil-passat.
Qal, “F’każ ta’ tfal, li dawn se jiftħu fil-weekend tat-28 u tat-29, importanti li l-ommijiet jekk ħa jmorru mat-tfal, jistgħu jitlaqqmu mat-tfal dakinhar u importanti dak li jġibu l-baby book, il-ktieb tat-tfal, biex inkunu nistgħu nimmarkaw id-doża li jkunu ħadu.”
Eventwalment, se jkun hawn anke kliniċi fil-komunità li joffru t-tilqim aktar viċin iċ-ċittadin, skont skeda maħruġa apposta.
L-appell hu biex kulħadd jitlaqqam ħalli jonqos mard bla bżonn fix-xhur tax-xitwa.