Il-media tal-Partit Nazzjonalista nfetħet kawża kontriha fil-Qorti wara li ma ħalsitx il-liċenzji dovuti minnha lill-Awtorità tax-Xandir għal numru ta’ snin.
Dan kien żvelat mill-gazzetta illum, li nnutat kif kienet l-Awtorità tax-Xandir stess li fetħet rikors fil-Qorti fil-konfront tal-kumpanija Media.link li hi responsabbli mill-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Fir-riskors imressaq, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jintalab iħallas tmienja u sittin elf ewro b’mod immedjat. Dan filwaqt li ġie nnutat kif ir-rikors quddiem il-Qorti nfetaħ biss wara numru ta’ twissijiet mill-Awtorità tax-Xandir lill-kumpanija Media.link, li wkoll ġew injorati.
Fl-artiklu tagħha l-gazzetta Illum, qalet li l-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista dejjem qalet li se tħallas il-liċenzja tat-televiżjoni u r-radju tagħha. Madanakollu, rriżulta li din il-kumpanija qatt ma provdiet raġuni valida skont il-liġi u baqgħet m’għamlitx il-pagamenti dovuti minnha.
Dan kollu jixhdu r-riskors miftuħ mill-Awtorità tax-Xandir.
Mar-riskors imressaq ġew annessi wkoll numru ta’ ‘invoices’ li jikkonfermaw dan kollu għax saħansitra imorru numru ta’ snin lura.
Apparti l-liċenzji mhux imħallsa mill-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista marbuta max-xandir tat-televiżjoni u r-radju, l-kumpanija Media.link ma ħalsitx ukoll għall-użu tal-antenna tal-Għargħur, tgħid il-gazzetta Illum.