L-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista rat numru ta’ kelliema jitkellmu wkoll dwar oqsma u temi importanti fosthom l-edukazzjoni, x-xogħol u l-importanza tas-saħħa mentali.
Fost il-kelliema preżenti, tkellem l-Uffiċjal Politiku taż-Żgħażagħ Laburisti Miguel Cauchi. Huwa enfasizza li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-ħajja ta’ kwalità u rridu nħarsu lejha bħala pont ta’ żvilupp individwali u ħolistiku.
Huwa qal li l-investiment fit-taħriġ għandu jitkompla u jissaħħaħ biex int min int, jista’ jkollok kull opportunità possibli.
Qal, “Il-ħolqien tax-xogħol għandu jkun id f’id mat-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema li jirriżulta fil-ħolqien u t-tisħiħ ta’ ħiliet ġodda. B’hekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu fil-ħidma tax-xogħol il-ġdida. Tabilħaqq tkun inġustizzja li pajjiżna jimxi pass mad-dinja imma n-nies tagħna jkunu wieħed jew tnejn lura. Allura l-investiment biex pajjiżna jilqa’ għal din it-tranżizzjoni fuq naħa u l-investiment fit-taħriġ fuq in-naħa l-oħra, għandu jitkompla u għandu jissaħħaħ.”
L-avukat Rachel Powell tkellmet dwar is-sagrifiċċji u l-impenn ta’ ħafna nies u figuri ewlenin tul l-istorja tal-Partit Laburista biex kull individwu fis-soċjetà tagħna jiġi mgħejjun. Dr Powell qalet li dan il-partit dejjem ħass il-polz tal-poplu u sostniet l-importanza tal-umiltà.
Qalet, “L-umiltà tfakkarna li aħna parti minn xi ħaġa ferm ikbar minna nfusna, il-ħolma li hija ferm ikbar mill-ambizzjonijiet individwali tagħna. Il-ħolma minsuġa fl-aspirazzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha. U jekk il-ħolm huwa ż-żerriegħa tal-progress, l-umiltà hija l-boxxa li tista’ twassalna lejn futur aħjar.”
Fl-aħħar nett, studenta u kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali għall-Kunsilli Lokali Rianne Cini wasslet messaġġ ċar favur is-saħħa mentali. Irrimarkat kif hija temmen fil-Partit Laburista għax jipprovdi pjattaforma għal ħafna żgħażagħ bħalha.
Elenkat li dan il-Gvern jaħdem għall-batut u lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Qalet, “Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed li int min int, int min fejn ġej, jekk mintix min-North, mis-South, jekk int sinjur jew fqir, fittex l-għajnuna. Fuq kollox nirringrazzja lill-Partit Laburista li fetaħli l-bibien tiegħi biex jien inwettaq ħolma oħra tiegħi, dik li nikkontesta għall-elezzjoni sabiex inkompli nwassal il-messaġġ tiegħi ta’ tama għaż-żgħażagħ u kull individwu li għaddejj minnha li int tista’ tgħaddi minn kollox imma tkun għadek b’saħħtek.”