“Ħa nagħlaq sittin sena u rrid li x-xewqa ta’ dawn it-tfal isseħħ.”
Din hi x-xewqa ta’ Godwin Debattista li f’għeluq sninu ddeċieda li jorganizza mixja ta’ sittin mil maqsuma f’jumejn biex jiġbor fondi għall-Fondazzjoni Sebħ li jixtiequ jieħdu iktar minn 40 tifel u tifla fuq btala għall-ewwel darba.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, u mal-wasla tagħhom fiż-Żurrieq, fejn hemm setgħu jistrieħu ftit qabel ma komplew triqthom lejn Marsaxlokk, Godwin qalilna li minflok iċċelebra għeluq sninu mal-familja kif jagħmel ta’ kull sena, din is-sena b’mod differenti għaqqad grupp biex flimkien jgħinu lil din il-Fondazzjoni.
Godwin spjegalna li mal-wasla tiegħu ċ-Ċirkewwa kmieni filgħodu, sab sorpriża sabiħa li żgur ma kienx qed jistenna.
Qal, “Jiena ħa nagħlaq sittin sena u minflok nagħmel birthday għalija u għall-familja ddeċidejt li nagħmel din il-mixja għall-Fondazzjoni Sebħ miċ-Ċirkewwa sa Marsaxlokk u għada minn Marsaxlokk sa Buġibba biex nagħmluha bħala tim. Għaqqadt tim miegħi konna qegħdin sebgħa u dalgħodu xħin wasalt iċ-Ċirkewwa kelli s-sorpriza ta’ ħajti kien hemm tmienja u għoxrin persuna li mxew magħna miċ-Ċirkewwa. Dan għalija rigal sabiħ għall-birthday għaliex ix-xewqa tat-tfal jien wkol nixtieq li sseħħ.
Malli waslu viċin il-knisja taż-Żurrieq, it-tim intlaqa’ b’ċapċip u briju kbir minn diversi persuni fosthom mid-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia. Hija qalet li dawn it-tfal ta’ kull età għandhom ħolma u bis-saħħa ta’ din l-attività din hija pass eqreb biex ssir realtà.
Qalet, “Illum qegħdin hawnhekk għaliex Godwin u t-tim tiegħu qegħdin jagħmlu mixja għall-Fondazjzoni Sebħ biex naqtgħu xewqa li għandhom it-tfal li nieħduhom safra barra minn Malta u qegħdin permezz ta’ din il-mixja niġbru fondi għal dan il-għan vera nobbli. Minn qalbi nirringrazzja lil Godwin u t-tim kollu tiegħu għax vera nies inkreddibli.”
Min jixtieq jagħti donazzjoni għal dan il-għan jista’ jagħmel dan billi jżur il-paġna ta’ Facebook Pass Pass mas-Sebħ jew jidħol fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Sebħ Sebħ.mt/donate.