Len u Jacob.
Tewmin ta’ 11-il sena u li għadhom kemm bdew l-iskola sekondarja.
Twieldu mingħajr problemi ta’ saħħa, tant li telqu jimxu u bdew jitkellmu malajr.
Dan sakemm dak li kienu tgħallmu u kisbu beda jisfa fix-xejn fl-età ta’ tliet snin. Dan hekk kif wara snin ta’ testijiet, minħabba li bdew jaqgħu mal-art, il-ġenituri tagħhom ingħataw l-aħbar li kellhom kundizzjoni rari, magħrufa bħala Zellweger.
Missierhom, Brian, spjega kif din il-kundizzjoni, li hija marbuta mal-metaboliżmu tat-tfal, saħansitra taffetwa d-dieta tagħhom, hekk kif l-ikel jagħmillhom il-ħsara.
Din il-kundizzjoni hija diġenerattiva, jiġifieri kull ma jmur u aktar kemm jgħaddi żmien, saħħithom tmur lura.
Qal, “Aħna ma niqfux naħdmu, biex naraw li t-tfal tagħna, barra li nżommuhom b’saħħithom, u jibqgħu jiġġieldu din il-kundizzjoni, naraw li jkollhom il-ħajja, bħala esperjenza sabiħa.”
B’hekk il-ġenituri tagħhom, Alison u Brian, flimkien ma’ binhom il-kbir, ta’ 22 sena, iddedikaw ħajjithom sabiex jgħinuhom u jagħtuhom għajxien dinjituż, kif tixhed it-tbissima minn widna sa widna, fuq wiċċ iċ-ċkejknin.
L-istil ta’ ħajja tal-familja Galea nbidel ferm, sabiex Len u Jacob ikollhom l-aqwa ħajja possibli, anke permezz ta’ kuntatt ma’ esperti minn barra minn xtutna, li minkejja li kura għadha ma nstabitx, jagħtu diversi pariri.
Qal, “Kura li għalissa għad m’hemmx, allura jfisser aktar xogħol fejn tidħol terapija, biex lit-tfal inżommuhom flessibbli kemm jista’ jkun, biex ma jibbisux, biex nifthiemu.”
Il-familja Galea, familja b’namra għall-isport, inkorporat l-isport f’ħajjet it-tewmin, li għalihom iservi wkoll ta’ terapija.
Il-missier irrakkonta kif sabiex jakkomodaw ħajjet it-tewmin, il-koppja saħansitra biddlet il-karozzi.
Qal, “Il-kundizzjoni li għandhom taffetwalhom il-mixi, allura, rridu naraw kif nagħmlulhom l-affarijiet aktar aċċessibbli, biex nifthemu fil-passat, kien hemm bżonn li bdilna l-karozzi li kellna biex inġibuhom aktar komdi għalihom.”
Żied jgħid li din is-sitwazzjoni, kompliet saħħithom bħala familja.
Intant, Brian qal li l-periklu f’ħajjet is-subien huwa imminenti, hekk kif minħabba d-diffikultà li jaffaċċjaw biex jimxu, twassal ukoll biex jaqgħu u jweġġgħu.
Huwa proprju għalhekk, li l-familja se tkun qed torganizza ġirja u għawma, li tibda mill-Belt Valletta, u tispiċċa f’Ta’ Pinu, sabiex tiġbor il-fondi, biex ikunu jistgħu jagħmlu lift fid-dar, sabiex it-tewmin jgħixu ħajja aktar indipendenti, hekk kif huma jirrikjedu attenzjoni erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Qal, “Aħna llum il-ġurnata, ingħaqdu nies familjari, aħna familja sportivi, u ħa nagħmlu ġirja mill-Belt sal-Mgħarfa, ħa ngħumu s’Għawdex u niġru sa ta’ Pinu.”
It-tama tibqa’ waħda: mhux biss li t-tfal jgħixu ħajja dinjituża, u li l-kundizzjoni tagħhom ma tiggravax, iżda wkoll li tinstab il-kura.
Qal, “L-għan huwa li jinġabru fondi, din is-sena partikolari, dan l-avveniment partikolari, biex isir lift fid-dar, biex Len u Jacob, biex ikollhom aktar aċċessibilità f’Marzu li għadda, biex anke jekk iridu jinżlu, isfel bil-basket tal-iskola, inkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jweġġgħu.”
Intant, wieħed jista’ jsegwi l-paġna fuq Facebook, Len and Jacob Wellness Fund.
Dawk li jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom jistgħu jagħmlu dan permezz ta’:
BOV IBAN: MT04 VALL 2201 3000 0000 5001 4493 242
GoFundMe: https://www.gofundme.com/f/len-jacob-wellness-fund
BOV Mobile jew Revolut: 99875178
Ċekk lil: Mr & Mrs Galea A/C Len and Jacob Wellness Fund