“Ħafna ħin u paċenzja.”
Hekk iddeskriva xogħlu Lawrence Caruana, li l-ġurnata tal-lum ftit li xejn għadek issib nies bħalu li jaħdmu kollox bl-idejn, f’xogħol meqjus tradizzjonali.
Caruana huwa artiġjan li jaħdem xogħol tad-deheb, fost l-oħrajn affarijiet sagri li jintużaw minn membri tal-kleru jew waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi.
Fl-aħħar jiem xogħol Caruana ġie apprezzat u deher mad-dinja kollha meta fl-aħħar konċistorju, jiġifieri ċ-ċelebrazzjoni li fiha l-Papa jikkrea Kardinali ġodda, wieħed mill-Kardinali, it-Taljan Claudio Claudio Gugerotti libes lazz maħdum minn id il-Malti.
ONE NEWS iltaqa’ ma’ Lawrence f’Bormla, fejn filwaqt li tpaxxejna bix-xogħol rikk u mill-isbaħ li għandu malli tmiss mal-entratura tad-dar tiegħu, tkellimna miegħu dwar din l-esperjenza.
“Avviċinani s-Segretarju tiegħu, biex nagħmillu lazz li jintuża mas-salib pettorali biex tkun xi ħaġa tal-idejn, ta’ produzzjoni. Hu min hu l-Kardinal wieħed konservattiv u allura jħobb l-affarijiet magħmulin mill-idejn u ta’ preġju.”
Iżda dan ma kienx l-unika Kardinal li gawda mix-xogħol ta’ Caruana, hekk kif il-mibki Kardinal Malti Prospero Grech ukoll inħadilmu lazz li miegħu jiddendel is-Salib. Dan kien ingħata rigal mill-Kolleġġjata tal-Birgu lill-Eminenza Tiegħu u li l-ġurnata tal-lum jinsab għall-wiri fil-mużew tal-Agostinjani r-Rabat.
Staqsejna lil Caruana x’jinolvi eżatt ix-xogħol li jagħmel.
“Ix-xogħol tiegħi jikkonsisti f’rakkmu tad-deheb u nagħmel dawn il-lazzijiet ukoll. Dawn il-lazzijiet differenti mir-rakkmu għax dak għandek snajja għaliha u l-lazz jinħadem b’mod differenti. Is-sabiħ tiegħu, ħafna ħin ħafna paċenjza, però meta tara x-xogħol lest u jitgawda min-nies hemmek ikollok sodisfazzjon li inti rajt dak ix-xogħol lest.”
Xogħol Caruana mhuwiex faċli li tista’ teħles il-prodott finali fi ftit sigħat, iżda lazz waħdu jieħu saħansitra ġimagħtejn sħaħ.
“U jkollok il-gasta u ċ-ċombini biex inti dejjem ittella’ l-lazz u jkollok 16-il ċombin, 12 minnhom bid-deheb u erba’ minnhom bil-kulur. Il-kulur skont id-distinzjoni, jew tal-isqof jew Kardinal. Għandek ukoll ġmiemem u pass wara l-ieħor sakemm tgħaqqad il-prodott finali.”