Ħames żgħażagħ qed jiġu mitkellma mill-pulizija b’rabta ma’ allegat serq ta’ muturi minn diversi lokalitajiet.
Ilbieraħ filgħaxija, il-pulizija rċeviet informazzjoni li f’għalqa fl-akwati ta’ Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar, hemm grupp ta’ żgħażagħ iqabbdu xi nar.
Il-pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn hemmhekk sabu ħames żgħażagħ, tnejn ta’ 18-il sena residenti Birżebbuġa u l-Belt Valletta; ieħor ta’ 16-il sena residenti Ħaż-Żabbar u tnejn oħra ta’ 14-il sena residenti Bormla u Ħaż-Żabbar.
Fl-għalqa ġew innutati numru ta’ muturi li kienu rrapportati misruqa fil-jiem li għaddew.
Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li d-deskrizzjoni tal-ħames żgħażagħ kienet taqbel mal-persuni li allegatament huma nvoluti fis-serq tal-istess muturi.
Minn aktar tfittxijiet illi saru, il-pulizija sabu iktar muturi rrapportati misruqin f’post ieħor.
Il-ħames żgħażagħ ittieħdu l-Għassa għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.