KreAzzjoni hu l-isem ta’ ħanut ġdid ta’ artiġjanat immexxi minn persuni b’diżabilità fejn klijenti li jattendu s-servizzi ta’ matul il-jum offruti minn Aġenzija Sapport, ikunu jistgħu jbigħu prodotti ta’ artiġjanat magħmulin bl-idejn minnhom stess.
Il-ħanut li jinsab fi Pjazza Teatru Rjal, fil-Belt Valletta, se jiftaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba matul l-attivitajiet tan-Notte Bianca.
Il-prodotti li se jkun hemm għall-bejgħ ivarjaw minn xogħol tal-injam u ċeramika għal tpinġijiet u oħrajn li nħadmu minn madwar 150 persuna b’diżabilità ġejjin minn 10 ċentri ta’ matul il-jum differenti.
Wara n-Notte Bianca, mistenni li l-ħanut jerġa’ jkun miftuħ mit-13 ta’ Novembru ’l quddiem għal żmien il-festi tal-Milied.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza li dan l-istabbiliment mhux biss se jservi bħala impriża kummerċjali iżda wkoll irawwem l-inklussività fi ħdan il-komunità, partikolarment għal individwi b’diżabilità.
Qal, “Ix-xogħol tal-idejn huwa wieħed mill-isbaħ aspetti tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna u kemm hu sabiħ meta tara persuni b’diżabilità li bl-għajnuna tal-Aġenzija Sapport joħolqu crafts sbieħ immens li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet din l-inizjattiva bħala vetrina sabiħa tal-ħiliet tal-persuni b’diżabbiltà.
Qalet, “Din hija opportunità mill-isbaħ għax turi l-arti, il-kultura imma wkoll is-sens imprenditorjali tal-persuni b’diżabilita.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Sciculna, irrefera għal dan il-proġett bħala ambizzjuż iżda li joffri opportunità tanġibbli lill-klijenti tal-Aġenzija sabiex imorru lil hinn minn ambjent li jissegregahom imma jippermettilhom inklużjoni fis-soċjetà b’mod attiv, inklużi fil-kultura u fin-negozju.