Għaxaq huma ċ-champions tal-Kampjonat tal-1 Diviżjoni tal-Federazzjoni Boċċi hekk kif fil-finali li ntlagħbet il-Ġimgħa filgħaxija fil-pitch taż-Żurrieq, għelbu lil Msida bl-iskor ta’ 21-19.
Kif jixhed ir-riżultat kienet logħba kumbattuta li ħadet madwar tliet siegħat u nofs. Finali li kienet segwieta minn pubbliku numeruż.
Għal Għaxaq din kienet it-tieni darba li rebħu dan il-kampjonat, l-ewwel darba kien fl-2018.
Dik ta’ din is-sena kienet ukoll ripetizzjoni tal-finali tal-play off tas-sena l-oħra, b’dak in nhar kienu Msida li ħarġu rebbieħa.
Iż-żewġ timijiet kienu fost il-protagonisti assoluti waqt il-kampjonat tal-1 Diviżjoni iu wara li għaddew għall-play offs kien hemm stennija għal min minnhom se jiġi inkurunat champion.
Fi tmiem il-finali saret il-preżentazzjoni tat-tazza mill-president tal-federazzjoni Maltija Boċċi Clinton Saliba.
Ir-Referee tal-logħba kien Sur Emmanuel Camilleri mgħejjun mill-assistent Raymond Grixti.