Adrian Casha u Anna Tabone rnexxielhom rebħu żewġ midalji tal-bronż fir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonati tad-Dinja tal-Ping Pong Parkinson ġewwa Wels, l-Awstrija.
Mal-wasla lura f’pajjiżna, Adrian Casha u Anna Tabone esprimew il-gratitudni tagħhom lejn Alpha Table Tennis Klabb li tahom l-opportunità li jitħarrġu b’mod professjonali mal-kowċ Katia Mifsud.
Adrian Casha fisser is-sodisfazzjon tiegħu li rnexxielu jitla’ fuq il-podium għat-tieni sena konsekuttiva wara li rnexxielu jikseb it-tielet post fil-kategorija doubles tal-Irġiel mal-partner tiegħu Marjan Vitanc minn Slovenja.
“Din is-sena n-numru ta’ parteċipanti kien ferm akbar, filwaqt li l-livell kien wieħed ogħla, stqarr Casha.
Għal Anna Tabone din kienet l-ewwel parteċipazzjoni tagħha f’kompetizzjoni internazzjonali. Hija fissret din l-esperjenza bħala ħolma li saret realtà.
Tabone rnexxielha tikseb it-tielet post fil-Ladies Singles, filwaqt li waslet sal-kwarti-finali fil-Ladies Doubles mal-partner tagħha Ewa Kerntopf mill-Polonja.
Casha u Tabone ħadu sehem ukoll fil-kategorija Mixed Doubles u rnexxielhom jaslu sal-Fażi tal-Aħħar 16.
Il-kowċ Katia Mifsud qalet li Alpha Table Tennis Klabb se jissokta bl-impenn tiegħu li joffri dan l-isport bħala terapija għal min jgħix bil-Parkinson. Hi ħabbret li fix-xhur li ġejjin l-klabb ser ikun qiegħed iniedi proġett għal dan il-għan taħt l-iskema SIS2024 tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.