“It-tranżizzjoni ta’ Malta lejn it-tkabbir sostenibbli hi parti minn investimenti ta’ kwalità għolja, li jrawmu opportunitajiet ekonomiċi u jwittu t-triq għal karrieri sinifikanti.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela meta, f’messaġġ irrekordjat waqt business brekfast organizzat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, issemma s-suċċess li kien hemm fil-ħruġ tal-ewwel Green Bonds f’pajjiżna u li spiċċaw jinħatfu fi ftit sigħat.
Fil-fatt hawnhekk ġie nnotat kif 88% tal-Green Bonds kienu assigurati minn investituri żgħar, ħaġa li turi l-appoġġ wiesa’ u fiduċja fl-inizjattivi sostenibbli tal-Korporazzjoni.
B’reazzjoni għal dan, il-Prim Ministru tenna kif din il-fiduċja se tissarraf f’aktar u aktar ħidma.
“Il-fatt li mal-€25 miljun fi Green Bonds inħatfu fi ftit sigħat, ifisser mhux biss fiduċja, iżda jpoġġi fuqna responsabilità biex nimplimentaw dawk il-proġetti li jħallu ġid fil-komunità. Proġetti li bihom inkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet u ninvestu f’enerġija nadifa. Din hi l-bidla li rridu nkomplu nġibu. Bidla li tfisser investiment ta’ kwalità.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru għamel aċċenn ukoll dwar kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji fil-komunitajiet.
“Il-bidliet ambjentali aħna narawhom qalbiet fundamentali li jolqtu kull qasam. Dawn huma minjiera t’opportunitajiet, mhux b’inqas joħolqu karrieri li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar f’ambjent b’saħħtu u isbaħ. Pajjiżna se jkun wara kull investitur li jinvesti fil-prijoritajiet li għandu pajjiżna. Dak li hu ta’ ġid komuni, lilna se ssibuna warajkom. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li kienet tal-ewwel li ħarġet b’din l-inizjattiva ta’ fejda bdiet vjaġġ li għandhom jingħaqdu oħrajn fih.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-bonds ta’ €25 miljun, maħruġa minn ClearFlowPlus p.l.c, għandhom rata ta’ imgħax ta’ erbgħa punt tnejn ħamsa fil-mija (4.25%) u jimmatura fl-2033.
Id-dħul mill-Green Bonds tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jintuża għall-finanzjament ta’ firxa ta’ inizjattivi eko-konxji, inkluż l-impjant tar-reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien, l-impjant ta’ solar farms, titjib fit-trattament tad-drenaġġ, tnaqqis tal-ħela tal-ilma, titjib fl-effiċjenza tal-kontijiet u titjib fl-infrastruttura tan-netwerk tal-ilma.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li dan kollu juri l-potenzjal ta’ dan il-mudell biex jgħin jiffinanzja aktar inizjattivi ekoloġiċi.
“Hu interessanti wkoll tara l-aptit li jeżisti fost ir-retail investors, l-investituri individwali, li mhux biss jemmnu fil-korporazzjoni, imma jemmnu wkoll f’dan l-investiment ambjentali li nemmen li hu t-triq ’il quddiem għal pajjiżna.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, u l-Uffiċjal Finanzjarju tal-istess Korporazzjoni, Matthew Costa, esprimew il-gratitudni tagħhom lill-investituri u lill-imsieħba.