L-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti Daniel Bogdanovic kien immultat elf ewro f’każ fejn hedded lil martu, filwaqt li l-Qorti ħarġet garanzija personali fil-konfront tal-mara taħt penali ta’ elfejn ewro u ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin.
Dan f’każ fejn il-mara tal-akkużat għażlet li ma tixhedx fil-konfront ta’ żewġha biex il-kwistjonijiet li hemm bejn iż-żewġ naħat issa jkunu diskussi ċivilment. Il-Qorti ssospendiet ukoll il-liċenzja tal-armi għal żmien sena.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud wassal ukoll messaġġi importanti, fejn kien iebes mal-mezzi tax-xandir. Anke jekk deher japprezza li każ ta’ eks plejer internazzjonali dejjem se jiġbed l-attenzjoni.
“Hawnhekk għandna każ ta’ player tal-football li lagħab mat-team nazzjonali u allura jiġbed aktar interess. Mhux għax l-akkużi miġjuba kontrih huma rarità fil-Qrati tagħna tant li f’kull seduta tad-distrett ikun hemm numru ta’ kawżi li jkollhom l-istess akkuzi li jinsab mixli bihom l-imputat,” kiteb Mifsud fis-sentenza fejn innota wkoll nuqqas ta’ sensittività lejn il-qraba tal-imputat.
Tant li nnota fis-sentenza kif il-mod kif il-każ Daniel Bogdanovic infirex fuq il-midja kellu impatt fuq ulied l-imputat li spiċċaw isegwu każ bejn il-ġenituri tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir. Il-psikologu Joseph Farrugia, espert imqabbad mill-Qorti biex jassisti lill-mara u t-tfal iddikjara:
“Peress li l-każ ġie mxerred sewwa fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, dan kellu effett negattiv kemm fuq is-sinjura Bogdanovic kif ukoll fuq it-tfal. B’mod speċjali t-tfal iż-żgħar sabuha diffiċli jaffrontaw lil sħabhom tal-iskola. Għalhekk kien meħtieg li nagħti sapport lis-sinjura Bogdanovic u lit-tfal biex jaffrontaw b’mod san l-impatt socjali tal-kaz.”
Fuq kollox, innota l-Maġistrat, dan il-kaz spiċċa ballun fl-arena tal-politika partiġjana u ddikjara li ħafna mir-rapporti kienu mibnija fuq il-fantasija u mhux fuq il-provi li nġiebu fil-Qorti.
“Filwaqt li dehru dawn ir-rapporti spekulattivi, tal-iskantament kif l-ebda ġurnalist m’attenda għas-seduti tal-każ, biex ikun jaf eżatt dak li seħħ u kien għaddej,” iddikjarat il-Qorti fis-sentenza tagħha.
Minbarra l-midja anke l-prosekuzzjoni ma ħelsitix minn taħt idejn il-Maġistrat li kien kritiku ħafna tagħha għal mod kif ma kinetx preparata tant li għal iktar minn darba bidlet l-akkużi li Bogdanovic kellu jgħinu biex jiddefendi ruħu minnhom lill-avukat Charlon Gouder.