Waħda mill-eqdem lukandi f’pajjiżna, il-Phoenicia, ġiet ikklassifikata fit-tielet post fl-Ewropa mis-sit awtorevoli Condé Nast Traveler – Readers’ Choice Awards, fejn jidħlu l-lukandi fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Ewropa Ċentrali.
Din il-klassifika hi fost l-aktar prestiġġjużi fil-qasam tal-ospitalità u tas-safar, billi tirrikonoxxi u tippremja l-eċċellenza f’dan il-qasam u nħolqot bis-sehem ta’ madwar ħames mija u għoxrin elf qarrej tas-sit, fuq il-bażi tal-esperjenzi tas-safar tagħhom.
Dan bil-għan li tingħata stampa komprensiva tal-lukandi li l-qarrejja jkunu jistgħu jżuru għall-aħjar servizz u kumdità, li wieħed ifittex fil-vaganzi tiegħu.
Sid il-Lukanda Phoenicia, Mark Shaw, esprima l-akbar sodisfazzjon għal dan ir-rikonoxximent tant prestiġġjuż, iżda nnota kif hu u l-impjegati tiegħu ma jaħdmux għall-premjijiet, iżda biex kontinwament itejbu s-servizz li joffru lill-klijenti.
Shaw ma naqasx milli jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-lukanda li, fi kliemu, huma vitali għal dan is-suċċess.
“During the refurbishment and COVID, and all the ups and downs of the last few years we’ve kept the team together, we’ve involved the staff in the success we’ve managed to get for the hotel. With Robyn driving it, she’s as good as general manager as you’ll find. So, the team is what’s making it at the moment, for sure.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, ddeskriva dan ir-rikonoxximent bħala wieħed importanti għal-lukanda, li kompliet tinvesti fil-prodott tagħha anke waqt id-diversi sfidi li ġabet magħha l-pandemija, fejn ukoll ingħatat l-akbar appoġġ mill-Gvern.
“Dan jorbot id f’id mal-istrateġija tal-Awtorità tat-Turiżmu u tal-Ministeru għat-Turiżmu … li dejjem nattiraw turiżmu ta’ kwalità, turiżmu li lest jonfoq iżjed f’pajjiżna u jagħmel memorji biex jeħodhom lura f’daru ma’ ħbiebu u mal-familja tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mit-turiżmu, Clayton Bartolo, esprima sentiment simili, minbarra li wkoll ħeġġeġ għal aktar ħidma b’riżq dan is-settur b’saħħtu f’pajjiżna li, aktar ma jmur, qed ikompli jipprometti.
“Inħeġġeġ biex ikompli jiżdied l-investiment biex nersqu lejn il-kwalità fil-prodott turistiku, għax, fl-aħħar mill-aħħar, nemmnu li pajjiżna hu fost l-aqwa għażliet u fost l-aqwa destinazzjonijiet li hawn fil-Mediterran biex iżuru t-turisti għall-btala tagħhom.”