Illejla l-Partit Laburista se jkun qed jorganizza t-tielet workshop pubbliku meta f’Villa Bighi, fil-Kalkara, jisma’ u jiddibatti ma’ dawk kollha preżenti, din id-darba dwar is-saħħa, kemm dik fiżika kif ukoll mentali.
F’dawn il-workshops, li jagħmlu parti mill-attivitajiet tal-Konferenza Ġenerali, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista qed tkompli tiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ man-nies fil-komunitajiet.
Kif ġara fl-ewwel żewġ workshops simili, dawk kollha, li jiddeċiedu li jattendu, ikollhom kull opportunità li jittrattaw is-suġġett għad-diskussjoni, waqt li panel magħmul minn numru ta’ esperti fil-qasam jitfgħu dawl fuq is-sitwazzjonijiet attwali u kif jista’ jkun hemm titjib għall-ġid tal-poplu kollu.
Fil-workshops preċedenti, li saru t-Tlieta u l-Erbgħa li għaddew, ġew ittrattati l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-komunitajiet u kif jista’ jitjieb l-għajxien ta’ kuljum fihom rispettivament.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li għandha t-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, mill-10:30 ta’ filgħodu ’l quddiem.
Il-Partit Laburista ħabbar li se jkun qed jiġi offrut servizz ta’ park and ride b’xejn għal din l-okkażjoni, li jitlaq minn quddiem il-Lukanda Phoenicia fil-Furjana bejn id-9:15 a.m. u l-10:15 a.m. sa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. L-istess servizz jkun ipprovdut lura wara l-istess attività.