Fi stqarrija Heritage Malta qalet li l-ispazju aħdar fuq il-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat qed jinżamm miftuħ għat-tgawdija tal-pubbliku wara l-ħin tal-għeluq tal-katakombi.
Kuljum sal-aħħar ta’ Marzu 2024, ir-residenti u l-viżitaturi tar-Rabat jistgħu jidħlu f’dan l-ispazju bla ma jħallsu xejn bejn is-6pm u t-8pm.
Din iż-żona, mifruxa fuq aktar minn 4,500m2, hija kwieta u mixgħula tajjeb.
Tinkludi faċilitajiet bħal toilets, bankijiet, kif ukoll isservizzi ta’ uffiċjal tas-sigurtà.
Il-viżitaturi mhumiex ristretti għall-mogħdijiet strutturati iżda jistgħu jimirħu fuq il-ħaxix fi nħawi speċifiċi f’dan il-post.
Il-Katakombi ta’ San Pawl kienu jservu bħala lok għad-dfin tal-mejtin fil-perjodu Puniku, Ruman u Biżantin u jirrappreżentaw lakbar evidenza arkeoloġika, u l-aktar waħda bikrija, tal-Kristjaneżmu f’Malta. Il-katakombi jiffurmaw kumpless tipiku ta’ ċimiterji Rumani taħt l-art li jinfdu ma’ xulxin u li baqgħu jintużaw sas-seklu 7, u possibbilment sas-seklu 8, wara Kristu.
Jinsabu fl-inħawi ta’ Ħal Bajjada, magħrufa wkoll bħala Tad-Dlam. Fil-post hemm aktar minn 30 ipoġew, li l-kumpless prinċipali tagħhom – dak ta’ San Pawl – hu magħmul minn sistema ta’ passaġġi u oqbra fuq medda ta’ aktar minn 2000 m2.
L-ispazju aħdar ta’ fuq il-katakombi jkompli jsebbaħ żjara f’dan is-sit u jagħmel l-esperjenza aktar kompluta u sodisfaċenti tul il-ħinijiet tal-ftuħ tas-sit.