Illum, il-Prim Ministru Robert Abela se jieħu sehem f’Summit informali tal-Kunsill Ewropew, li se jsir fi Granada fi Spanja.
Hawnhekk il-Prim Ministru Malti se jkun fost is-27 mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan is-Summit qed isir fi Spanja, hekk kif dan il-pajjiż sal-aħħar ta’ din is-sena għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Bi preparazzjoni għal din il-Presidenza, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez żar pajjiżna, f’April li għadda, fejn kellu laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela, fil-Berġa ta’ Kastilja.
Din il-laqgħa qed issir ġimgħa wara eżatt, il-laqgħa għolja bejn id-disa’ pajjiżi tal-Mediterran fl-Unjoni Ewropea, dik tal-MED 9, li saret f’pajjiżna.
Fost it-temi ewlenin li se jiddiskutu l-mexxejja hemm dik tal-migrazzjoni, xprunata mill-qbil li kien hemm f’pajjiżna f’din il-laqgħa. Dan f’Malta ġie maqbul bejn id-disa’ pajjiżi li jkun hemm rispons immedjat mill-Unjoni Ewropea għall-isfidi tal-wasliet fil-Mediterran.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja hemm ukoll it-tkabbir ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Dan is-summit, fejn qed jattendi l-Prim Ministru Malti, se jkun qed isir qabel il-laqgħat formali bejn il-mexxejja aktar tard dan ix-xahar u f’Diċembru li ġej.
AQRA AKTAR: