B’investiment ta’ seba’ mitt elf ewro, tlesta l-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-binja li se tkun qed sservi bħala l-uffiċini tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, magħruf aħjar bħala DIER, fil-Belt Valletta.
Din il-binja se tkun qed tospita wkoll l-impjegati li huma responsabbli mill-amministrazzjoni tat-Tribunal Industrijali. Dawn se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom kmamar privati u aktar aċċessibbli għall-ħaddiema, għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għal min iħaddem, bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-operat ta’ dan it-Tribunal.
Qabel ma sar dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni, l-uffiċini ma kinux aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà, filwaqt li l-mod kif il-binja kienet strutturata ma kienx joffri l-privatezza meħtieġa biex il-pubbliku jinqeda bl-aħjar mod possibbli.
Filwaqt li rringrazzja lid-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat, kif ukoll lill-impjegati tad-dipartiment għall-ħidma tagħhom, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ħeġġeġ lill-impjegati u lil minn iħaddem biex jibqgħu jagħmlu użu mis-servizzi ta’ dan id-dipartiment.
Qal, “Dan l-investiment ta’ seba’ mitt elf ewro biex ġiet rinnovata din il-binja ħa jkompli jixhed l-impenn ta’ dan il-Gvern biex isaħħaħ mhux biss il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, imma noffru servizz ta’ kwalità għal minn jirrikorri hawnhekk biex jew jiġbor xi informazzjoni jew jgħaddi ilment.”