Għall-ewwel darba, it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku ltaqgħet mar-rappreżentanti tal-istudenti, fejn ġew diskussi l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan waqt li għaddejja l-Freshers’ Week fl-Università.
It-temi diskussi kienu jinkludu s-servizz tat-trasport offrut lill-istudenti, l-importanza ta’ aktar għarfien dwar is-saħħa mentali, l-opportunijiet li s-Servizz Pubbliku qed joffri permezz ta’ skemi ta’ studju u karrieri, kif ukoll l-isfidi li jiltaqgħu magħhom l-istudenti Għawdxin.
Issemmew ukoll l-istipendji u l-miżura li tħabbret fl-aħħar baġit, fejn studenti jistgħu jaħdmu sa 30 siegħa part-time mingħajr ma jitilfu mill-istipendju.
Il-Kap taċ-Ċivil, Tony Sultana, tenna li l-istudenti huma l-futur ta’ pajjiżna u tas-Servizz Pubbliku u li, flimkien, kapaċi jaħdmu biex jaqilbu l-isfidi f’opportunitajiet.
Hu sostna li s-Servizz Pubbliku se jkompli jkun ta’ spalla u garanzija għall-istudenti fi żmien fejn is-sistema edukattiva trid tkompli tipprogressa u timxi maż-żmien tal-lum.
Preżenti kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella.