Il-Ħamis filgħodu, fl-MFCC f’Ta’ Qali, ingħata bidu għat-tielet edizzjoni tal-Istartup Festival, wieħed mill-akbar avvenimenti għall-Malta Enterprise, li jiġbor taħt saqaf wieħed diversi kumpaniji u investituri, lokali u internazzjonali.
Fil-fatt, aktar minn ħamsin esebitur qed jesebixxu x-xogħol u l-prodotti tagħhom, f’vetrina ta’ talent lokali u internazzjonali, fl-istess ħin li qed jiltaqgħu ma’ investituri biex possibbilment, joħolqu aktar investiment.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjegalna l-iskop ta’ dan l-avveniment.
Qal, “L-idea tal-Istart-up Festival hi biex ngħaqqdu l-ekosistema tal-istart-ups iktar u, bażikament, l-isart-ups lokali qegħdin jingħaqdu flimkien u jiddiskutu l-proposti varji tagħhom allura hawnhekk se jkun hawn investituri wkoll li se jkunu qegħdin jiltaqgħu ma’ start-ups, uħud minnhom jinvestu wkoll, u l-idea finalment hi li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Fl-ewwel jum ta’ dan il-festival, iltqajna mal-Inġinier David Sciberras, li ħadna lura għall-elfejn u tmintax meta beda vjaġġ, li llum jista’ jsejjaħlu suċċess.
Stqarr, “Bdejna f’garaxx taħt il-flat tiegħi, jiena u l-mara, kellna tliet printers dak iż-żmien, bl-iskop li noħolqu prodotti interessanti u innovattivi. Fast forward għal-lum, għadna kif imxejna f’bini f’Ħal Qormi għandna tliet sulari ta’ ħames mitt metru kwadru, għandna erbatax-il impjegat u mitejn 3D printer.”
Tkellimna wkoll mal-Managing Director ta’ Supercharger Ventures, Patrick Hulsen.
Spjegalna li l-kumpanija tiegħu ġiet f’pajjiżna sitt xhur ilu, bl-iskop li tattira mija u ħamsin kumpanija oħra fuq perjodu ta’ ħames snin.
Fl-aħħar ġimgħat ġew l-ewwel ħmistax-il kumpanija u l-ħsieb hu li wħud minnhom jistabbilixxu rwieħhom f’pajjiżna.
Qal, “My experience in Malta has been really good, I’m super happy to be here, everybody is super friendly, we’ve got a lot of support from Malta Enterprise which are behind this entire program and the reason why we are here today, so all good so far.”
Fil-ftuħ ta’ dan il-festival, il-Ministru Miriam Dalli faħħret il-kuraġġ ta’ dawn l-istartups, li jieħdu r-riskju li jesperimentaw u ma jaqtgħux qalbhom mill-iżbalji.
Hi tenniet l-impenn fl-appoġġ tal-Gvern, li jmur lil hinn mill-aspett finanzjarju, u ħabbret ukoll kif tnediet konsultazzjoni għall-istakeholders dwar il-Malta Start-Up Framework.
Hi ħeġġet lil dawk preżenti biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-suġġett u jkompli jissaħħaħ il-qasam għall-ġid tal-kumpaniji nfushom u tal-pajjiż.