Mit-Tnejn li ġej, id-disgħa t’Ottubru, se tibda l-iskeda tat-tilqim tal-influwenza.
L-ewwel li huma eliġibbli li jitlaqqmu huma l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u nies meqjusa vulnerabbli, bħal persuni b’mard kroniku u nisa tqal.
Imbagħad, mis-sittax t’Ottubru, it-tilqim jibda jingħata lil kulħadd miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha f’pajjiżna, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar.
Eventwalment, se jkun hawn anki kliniċi fil-komunità li joffru t-tilqim aktar viċin iċ-ċittadin, skont skeda maħruġa apposta.
Dawn id-dettalji ngħataw mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, li fiha appella biex kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza biex jonqos mard bla bżonn fix-xhur xitwin.