Ġiet inawgurata klinika fil-komunità f’Ħad-Dingli, li se jgawdu minnha aktar minn tlett elef resident.
Din il-klinika, li saret b’fondi mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF, se tiftaħ il-bibien tagħha għar-residenti Dinglin mill-Ġimgħa, sitta t’Ottubru.
Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega kif apparti servizz ta’ tabib u infermiera, din il-klinika se toffri wkoll servizzi speċjalizzati.
Qal, “Biex tagħti kura tas-saħħa effettiva jrid ikollok kura fil-komunità li hija tajba ħafna. L-isptarijiet huma importanti, essenzjali, imma waħedhom ma jkunux sostenibbli, u allura qegħdin kemm jista’ jkun fl-ibliet u l-irħula niftħu dawn iċ-ċentri komunitarji, illum ftaħna Ħad-Dingli, xahar ilu ftaħna l-Iklin, għandna pjani għal ċentri oħrajn għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. F’Ħad-Dingli qed noffru servizzi mhux biss ta’ tabib u ta’ nurse, imma anki physiotherapy, speech and language pathology, podiatry kif ukoll social worker, biex it-tlett elef resident ta’ Ħad-Dingli jkunu jistgħu jieħdu servizz fir-raħal tagħhom stess.”
Lil hinn mill-impenn li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jinfetħu aktar kliniċi, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li għaddej xogħol ta’ rinnovar f’ċentri tas-saħħa akbar, fosthom dak ta’ Ħal Qormi.
Minbarra hekk, sal-aħħar tas-sena, għandu jitlesta x-xogħol fuq iċ-ċentru l-ġdid fir-Rabat, Għawdex, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se tiġi inawgurata blokka ġdida tal-outpatients għall-kura tas-saħħa mentali fil-binja tal-Isptar San Luqa.
Dan kollu, qal Chris Fearne, qed isir b’risq kura tas-saħħa primarja viċin iċ-ċittadin biex il-pajjiż ikollu sistema tas-saħħa sostenibbli.