Qed jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ tħawwil ta’ siġar, pjanti u arbuxxeli għal din is-sena fil-Park Nazzjonali f’Ta Qali, fiż-żona magħrufa bħala l-Formal Garden. B’kollox, fl-aħħar disa’ xhur tħawlu madwar 3,000 siġra u arbuxelli, u 42,000 pjanta.
Dan jikkumplimenta l-ħidma kollettiva tal-Gvern li qed ikompli jsebbaħ u jħaddar spazji miftuħa madwar il-pajjiż, inkluż dawk f’żoni urbani li ma kinux aċċessibbli qabel.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, Jason Micallef, qal li hu sodisfatt bl-istandards tal-aqwa livell li bih qed jinżamm u beda jiġi indokrat dan il-park, li se jkun lok għal divertiment għal eluf ta’ familji ferm aktar milli qatt kien qabel.
Hu kompla li qed isir investiment regolari f’dan il-park biex jibqa’ jkun wieħed mill-isbaħ spazji miftuħa f’pajjiżna.
“Wieħed mill-isbaħ aspetti li qed nagħmlu f’dan il-ġnien pubbliku, f’dan l-isbaħ spazju aħdar pubbliku li għandna f’pajjiżna hu dak li nilħqu standards ta’ żamma u manutenzzjoni on a day to day running. Jiġifieri dik l-akbar sfida li għandna li l-proġett li nkunu wettaqna, wettaqnih biex ikompli jitgawda mill-familja Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li r-riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali tinsab fi stadju avvanzat u semma li aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat l-ispazju għall-arti u t-teatru Grieg fil-Park Nazzjonali.
Dan qiegħed jintuża għal produzzjonijiet kulturali u sar investiment fil-faċilitajiet tal-park biex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-artisti u mill-pubbliku inġenerali.
Filwaqt li appella lill-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru dan il-park, il-Ministru qal li jħares ’il quddiem biex tkompli l-ħidma u jitlestew iż-żoni l-oħrajn, li jifformaw parti minn dan il-proġett enormi.
“Dan hu xogħol li se jkompli jsebbaħ spazju miftuħ u nħarsu ’l quddiem li naraw aktar u aktar familji jgawduh. Hu investiment li f’pajjiżna jista’ jkollna ta’ livelli ogħla u kif jistgħu jinżammu bl-aħjar mod.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u l-ħaddiema li jaħdmu fit-taqsima, li qed tmexxi l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.