Raġel fuq libertà proviżorja b’rabta ma’ żewġ każijiet kriminali oħra, tressaq il-Qorti wara li allegatament ta daqqa ta’ pistola lil raġel ieħor u kissirlu x-xedaq.
Ian Zammit, ta’ erbgħa u tletin sena miż-Żejtun, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech jaffaċċja diversi akkużi, fosthom li kkaġuna ġrieħi gravi b’arma, b’pussess ta’ kokaina, li kien riċediv u li kiser diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti ngħad kif fit-tmienja u għoxrin ta’ Settembru, raġel mimli demm, mar fl-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Huwa ttieħed l-isptar, fejn irriżulta li kellu x-xedaq miksur.
Ir-raġel għamel tlett ijiem ma jistax jitkellem.
Wara tlett ijiem, qal lill-Pulizija dak li kien ġara u qal li kien ġie aggredit mill-akkużat, magħruf bħala “is-Sugar”, wara argument li nqala’ bejniethom, meta allegatament, l-imputat ħareġ pistola u għamilha ma’ ras l-allegat vittma, qabel ma mbagħad tah daqqa biha u kissirlu x-xedaq.
Zammit kien ilu ma jiffirma fl-għassa u ġie arrestat wara li ħareġ mandat mill-Pulizija.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u f’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.