B’impenn biex jissaħħu r-relazzjonijiet fl-isfera kulturali bejn pajjiżna u l-Emirati Għarab Maqgħquda (UAE), il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kellu laqgħa f’Abu Dhabi mal-Ministru għall-Kultura u ż-Żgħażagħ tal-pajjiż, Sheikh Salem Bin Khalid Al Qassimi.
Il-punt tat-tluq tal-laqgħa kien li tiġi enfasizzata s-sħubija b’saħħitha bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda fl-oqsma kulturali kif ukoll artistiċi. Huma qablu li din il-koperazzjoni għandha tissokta f’oqsma bħal skambju ta’ prattiċi u ħiliet u kollaborazzjonijiet ġodda biex tkompli tinbena ekosistema kulturali effettiva.
Waqt din il-laqgħa ġie elenkat ukoll il-wirt kulturali u r-rwol tal-UNESCO fil-protezzjoni tal-wirt kulturali fid-dawl ta’ sfidi bħalma huma t-tibdil fil-klima, kif ukoll l-iżvilupp ta’ wirjiet internazzjonali u opportunitajiet ta’ skambju ta’ studenti.
Irreferew ukoll għal diversi kollaborazzjonijiet eżistenti u potenzjali bejn l-entitajiet kulturali taż-żewġ nazzjonijiet.