Sa Awwissu ta’ din is-sena, l-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna kien jammonta għal kważi żewġ miljun persuna.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, għall-ewwel tmien xhur tal-elfejn, tlieta u għoxrin, fejn it-turisti f’pajjiżna ammontaw għal 1,986,260.
Meta dawn iċ-ċifri jitqabblu mal-istess perjodu qabel il-pandemija, fl-elfejn u dsatax, li kienet l-aħħar sena rekord għat-turiżmu lokali, toħroġ żieda ta’ 137,325.
Dan ifisser żieda ta’ kważi sebgħa fil-mija.
Din iż-żieda tfisser li fl-ewwel tmien xhur tal-ewwel s-sena wara l-irkupru sħiħ mill-pandemija tal-COVID-19, pajjiżna rreġistra rekord ġdid ta’ turisti.
L-istess ċifri wrew li l-għadd sħiħ tal-iljieli fl-ewwel tmien xhur mgħadudin f’daqqa qabeż it-13.5 miljun lejl.
L-NSO wera wkoll li minn Jannar sa Awwissu, in-nefqa sħiħa tat-turisti kienet stmata li tlaħħaq il-1.8 biljun ewro, filwaqt li n-nefqa ras għal ras kienet ta’ €888.
Sadanittant jirriżulta wkoll li f’Awwissu ta’ din is-sena, l-għadd tat-turisti li waslu kien ta’ 371,511.
Meta dawn iċ-ċifri jitqabblu ma’ tal-elfejn u dsatax, ġiet irreġistrata żieda ta’ 10.4%.
L-akbar għadd ta’ turisti li ġew f’Awwissu kellhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena u l-maġġoranza kienu ġejjin mill-Italja, ir-Renju Unit u Franza.
F’dan ix-xahar, l-għadd ta’ ljieli fostna kien jaqbeż iż-żewġ miljun u disa’ mitt elf, waqt li n-nefqa sħiħa kważi laħqet l-erbgħa mitt miljun ewro.
L-NSO qal li t-tul medju ta’ dawn il-vaganzi kien jammonta għal 7.8 iljieli, waqt li l-infieq medju kull ġurnata kien jaqbeż il-€135.60.