Peremezz ta’ quddiesa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku fetaħ is-Sinodu tal-Isqfijiet, li se jsir bejn l-4 u d-29 ta’ dan ix-xahar.
Għajnejn bosta f’dawn il-jiem se jkunu wkoll fuq is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, il-Kardinal Għawdxi Mario Grech, li se jkun qed imexxi din il-laqgħa importanti, flimkien mas-Sotto Segretarju, Suor Nathalie Becquart.
Il-ħatra ta’ din is-soru kienet meqjusa bħala storiku, hekk kif għall-ewwel darba mara ngħatat kariga fis-Sinodu u kariga għolja fil-Vatikan.
Waqt dan is-Sinodu, fejn se jiġu diskussi l-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, se jieħdu sehem 464 persuna bejn kardinali, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u anke lajċi.
Dan is-Sinodu qed jitqies bħala pass importanti għall-Knisja Kattolika għax, għall-ewwel darba, il-lajċi rġiel u anke nisa se jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ. L-Arċisqof Malti Charles Scicluna wkoll jinsab preżenti.
Hemm suġġetti varji li se jiġu diskussi u eventwalment permezz ta’ dokument irid jittieħd vot fuqu biex imbagħad jitwassal għand il-Papa.
Dawn jinkludi temi sensittivi bħaċ-ċelibat, jekk il-qassisin għandhomx jiżżewġu, it-tberik ta’ koppji tal-istess sess, is-sagrament taż-żwieġ lil nies iddivorzjati u l-ordinazzjoni ta’ djakni nisa.
Suġġetti oħrajn huma l-faqar, ir-razziżmu, it-tribaliżmu, id-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità u t-traffikar uman.
Fost l-attivitajiet ippjanati waqt is-Sinodu hemm pellegrinaġġ għall-parteċipanti fit-12 ta’ Ottubru, waqt li l-Ħamis filgħaxija, 19 ta’ Ottubru, il-Papa Franġisku se jmexxi mument ta’ talb fi Pjazza San Pietru għall-migranti u r-refuġjati. L-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru, imbagħad, il-Papa se jitlob it-talba tar-rużarju fil-Ġonna tal-Vatikan.