Għal darb’oħra, il-kamra tal-aħbarijiet tan-NET ippubblikat storja b’titlu qarrieqi dwar il-protesta li saret illum mis-sewwieqa tal-Y Plates bil-għan li, bil-fake news tagħha, tipprova ttappan il-ħidma li għaddejja fuq livell governattiv.
Bit-titlu tas-suppost aħbar ikun “L-LPOA toħroġ kontra l-protesta li se ssir kontra vetturi liċenzjati bil-Y plates”, l-artiklu jagħti l-impressjoni li l-protesta kienet kontra l-vetturi liċenzjati bil-Y plates, mentri l-protesta saret mis-sewwieqa tal-Y plates infushom.
Fil-verità, il-protesta ssejħet minn gruppi individwali dwar it-tibdil fir-regolamenti li jittrattaw l-operaturi ta’ vetturi liċenzjati bil-Y plates.
Dwar din il-protesta, l-Assoċjazzjoni Light Passenger Operators, l-LPOA, għamlitha ċara li ma kinitx se tattendi jew tappoġġjaha, u tenniet li se tkompli timbotta favur diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati biex bid-diskussjonijiet u bi qbil mal-istakeholders kollha, jissaħħaħ il-progress li sar fix-xhur li għaddew.
L-LPOA saħqet li l-protesta ma kienet se tagħmel xejn, għajr li toħloq iżjed problemi u tensjoni mingħajr bżonn u ħtieġa.
Din l-aħbarijiet ġiet ippubblikata min-NET News wara li investigazzjonijiet imwettqa mill-Pulizija fl-aħħar xhur ikkonfermaw fake news oħra Nazzjonalista meta allegat li kien hemm liċenzji tas-sewqan li kienu qed jinbiegħu illegalment f’isem Transport Malta permezz ta’ paġna fuq il-midja soċjali.
It-Times of Malta kienet irrapportat kif l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżultaw li dak allegat mill-midja Nazzjonalista kien fil-fatt scam online.
Il-fake news tal-midja tal-PN rikeb fuqha u saħansitra xerridha l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Adrian Delia.