L-eks Membru Parlamentari Ewropew Lara Comi, li ntużat diversi drabi mill-Partit Nazzjonalista biex tħammeġ lil Malta, ġiet ikkundannata mill-Qorti ta’ Milan fuq korruzzjoni, frodi u qerq li jlaħħqu man-nofs miljun ewro b’dannu lill-Parlament Ewropew.
Hi ntbagħtet erba’ snin u xahrejn ħabs fil-proċess imlaqqam Mensa dei Poveri (Soup Kitchen), minħabba li l-qerq kien qed isir permezz ta’ aġenzija għall-formazzjoni ta’ persuni f’qagħda vulnerabbli.
Minbarra hekk ġiet interdettjata għal ħames snin minn kull rwol pubbliku, waqt li s-somma ta’ €28,700 ġiet ikkonfiskata mill-kontijiet bankarji tagħha.
Il-Qorti Taljana tat is-sentenza lil Comi fi tmiem proċess ġudizzjarju, li ra aktar minn 60 akkuzat u mal-40 oħrajn implikati fit-tanġenti li involva wkoll l-iffinanzjar illegali tal-fergħa tal-partit fil-Lombardia.
Id-deputata tal-partit imwaqqaf minn Silvio Berlusconi kienet spiċċat arrestata f’darha fl-2019 fuq dawn l-akkuzi ta’ korruzzjoni. Magħha lbieraħ instabu ħatja wkoll politiċi, negozjanti, uffiċjali pubbliċi, ġurnalist u avukata, fost oħrajn.
Aktar riċenti, Comi wkoll issemmiet fil-każ Qatargate li heżżeż il-Parlament Ewropew taħt it-tmexxija ta’ Roberta Metsola.
Nino Caianiello, wieħed mill-perċimes f’din il-korruzzjoni sistematika, kien laħaq ftehim mal-Prosekuzzjoni fl-2021 biex jikxef dak kollu li jaf fuq l-iskandlu bi qbil ma’ sentenza mnaqqsa ta’ erba’ snin u għaxar xhur ħabs.
Id-deputata Taljana ta’ Forza Italia hi ħabiba sew tal-Membru Parlamentari Ewropew Malti David Casa, tant li dan kien saħansitra ġabha f’pajjizna biex tpinġi f’dawl ikrah lil Malta dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt.
Casa kien ukoll juza kontinwament l-‘endorsemnts’ tagħha fuq il-midja soċjali.
Anke l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, illum Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), kien meqjus qrib ta’ Comi.
Ironikament lura ftit ta’ snin ilu kienu saru wkoll allegazzjonijiet ta’ mizapproprjazzjoni ta’ fondi fil-konfront ta’ Casa nnifsu. Whistleblower, li kien eks impjegat tiegħu, kien iddikjara li l-MPE Nazzjonalista kien qed juża b’qerq flus tal-Parlament Ewropew għat-tħaddim tal-uffiċċju u l-impjegati biex jiggwadanja hu personalment.
L-eks impjegat kien sostna li Casa allegatament kien qed jiddikjara l-paga tiegħu fl-ammont ta’ aktar minn €100,000 fis-sena, izda fil-verita lilu kien qed iħallsu biss madwar terz tas-somma.