B’rabta mal-protesta, li qed tissejjaħ għal għada minn gruppi individwali dwar it-tibdil fir-regolamenti li jittrattaw l-operaturi ta’ vetturi liċenzjati bil-Y plates, l-assoċjazzjoni Light Passenger Operators Association (LPOA) għal darb’oħra għamlitha ċara li mhux se tkun qed tattendi jew tappoġġja tali protesta, tant li ħeġġet lill-membri tagħha biex ma jattendux.
Fi stqarrija, l-għaqda tenniet li se tkompli timbotta favur diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati biex bid-diskussjonijiet u kif ukoll bi qbil mal-istakeholders kollha jissaħħaħ il-progress li sar fix-xhur li għaddew.
“Bħala assoċjazzjoni nagħrfu u nirrikonoxxu bi sħiħ ix-xogħol li qed jagħmlu l-awtoritajiet f’dan is-settur flimkien mal-bidliet meħtieġa ħalli tkun żgurata s-sostenibbiltà għal kull min jopera u l-klijenti,” ingħad fl-istqarrija.
L-LPOA saħqet li l-protesta ma tkun qed tagħmel xejn għajr li toħloq iżjed problemi u tensjoni mingħajr bżonn u ħtieġa.