Fit-tieni jum tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, membri mill-amministrazzjoni u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista niżlu fl-għelieqi tal-Manikata biex jiltaqgħu u jitkellmu mal-bdiewa.
Filwaqt li semmew il-ħafna miżuri u r-riformi li saru sal-lum fil-qasam agrikolu, għadd ta’ bdiewa kellhom anke ċ-ċans li jwasslu s-suġġerimenti tagħhom mar-rappreżentanti tal-Partit Laburista dwar x’jista’ jitjieb fil-qasam, biex imbagħad iwassluhom fuq livell ta’ Gvern.
Kif iddikjara wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, dan hu Gvern tan-nies, li jisma’ u li għandu kredibilità kbira biex dak li jwiegħed, iwettqu. Dan dejjem biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, din id-darba tal-bdiewa Maltin u Għawdxin li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum permezz tal-prodott frisk u bnin li jkabbru.
Wara din il-laqgħa, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, ta r-reazzjoni tiegħu ma’ ONE News u semma l-importanza li l-Partit jibqa’ miftuħ għad-djalogu.
“Aħna meta qed insemmu prijoritajiet tagħna, fosthom il-komunitajiet, is-settur tal-bdiewa hu wieħed importanti ħafna u għal qalbna. Dalgħodu kellna laqgħa sabiħa ħafna mal-bdiewa, li spjegawlna numru ta’ temi li huma b’mod pożittiv żviluppi li kien hemm anke riċenti u oħrajn, li jrid isir xogħol fuqhom u l-iskop tagħna hu li dan id-djalogu miftuħ biex bħala Partit inwasslu l-messaġġ għand il-Gvern ħalli naraw li f’dan il-każ il-ħajja tal-bdiewa ssir aktar faċli għax huma parti mill-komunitajiet tagħna.”
Waħda mir-riformi ewlenin, li saret minn Gvern Laburista fl-aħħar xhur fil-qasam tal-agrikoltura, kienet ir-riforma tal-qbiela. Din ir-riforma hi maħsuba biex tara li jintlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri sid ir-raba’ u l-bidwi, filwaqt li jiġu ggarantiti s-sostenibilità tal-biedja, il-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Issemmew ukoll l-għajnuna tal-Gvern, permezz ta’ numru ta’ skemi finanzjarji tul is-snin u anke li fil-pakkett ta’ fondi Ewropej għal pajjiżna għas-seba’ snin li ġejjin, is-settur agrikolu għandu ddedikati għalih investiment ta’ €167 miljun.
ONE News tkellem ukoll ma’ żewġ bdiewa, Piju Mercieca u Clyde Camilleri, li t-tnejn faħħru l-fatt li l-Partit Laburista niżel ħdejhom fl-għelieqi biex jismagħhom.
“Aħna nirrikonoxxu l-fatt li l-amminsitrazzjoni tal-Partit Laburista li ġiet tiltaqa’ ma grupp ta’ bdiewa, li huwa punt importanti li ġew jisimgħu anke l-isfidi li naffaċċjaw ruħna magħhom.”
“Hu tajjeb li partit jew entità tieħu interess u tiġi hawnhekk tismagħna, nemmen li hi xi ħaġa tajba li aħna nsemmgħu l-vuċi tagħna. Bir-rieda politika u bir-rieda ta’ xi ħadd bħali, bidwi, naslu żgur.”
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq nhar il-Ħadd 8 ta’ Ottubru, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.