Fl-ewwel seduta Parlamentari, tpoġġa fil-Parlament ir-rapport tal-bord indipendenti dwar il-midja, kif marbut bit-termini tar-referenza.
Dan hekk kif kien wiegħed l-Uffiċċju tal-Prim Ministru x-xahar li għadda, li se jkun qiegħed jippubblika r-rapport b’mod sħiħ u bi trasparenza sħiħa.
Fl-ewwel seduta Parlamentari, Dr Abela spjega li issa jmiss li ssir konsultazzjoni biex tittwettaq din ir-riforma.
Ta’ min ifakkar li, wara l-ewwel rapport tal-Kumitat ta’ Esperti Dwar il-Midja, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) kien ħass li għandha ssir iktar konsultazzjoni, avolja kienet diġà saret waħda, bil-Gvern jesprimi l-fehma li ma kellu l-ebda problema dwar dan.
Waqt li poġġa d-dokument, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li saru żewġ proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika mil-bord indipendenti.
Il-Prim Ministru qal ukoll li nnota li kien hemm talba biex ikun hemm proċess ta’ white paper dwar l-abbozzi rispettivi li għad iridu jgħaddu quddiem il-Parlament, talba li l-Prim Ministru jaqbel magħha.
Hawn il-Prim Ministru ħabbar li l-ħsieb tal-Gvern hu li tiġi ppubblikata white paper bl-abbozzi riveduti magħha, u jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni, biex eventwalment jgħaddu mill-Parlement u jifformaw parti mill-liġijiet ta’ pajjiżna.