The Creepers se jkunu qed jagħmlu r-ritorn tagħhom nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru fl-Aria Complex, f’San Ġwann. Stabbiliti fl-2010, il-grupp lokali introduċa fostna dak li hu magħruf bħala l-‘Vintage American Blues’.
Oriġinarjament il-grupp, li jispira ruħu minn artisti bħal Junior Parker u Little Walter, fost l-oħrajn, kien magħmul mill-kantant u kitarrista Steve Van Der Nat, id-drummer Patrick Camilleri, il-bassista Antoine Tonna u l-kantant Gilberto Arredondo, li wkoll idoqq l-harmonica. Sfortunatament, dan tal-aħħar kien miet traġikament u għalhekk il-kunċert se jservi wkoll bħala memorja tiegħu.
Dan il-kunċert li se jfakkar l-10 anniversarju ta’ The Creepers kien oriġinarjament skedat għall-2020, iżda baqa’ jiġi pospost minħabba l-pandemija.
Fil-kunċert fl-Aria Complex, se jkun hemm ukoll is-sehem ta’ Thomas Toussaint, Ben Bailey u Mark Kram.
Biljetti għal dan l-avveniment jistgħu jinkisbu minn fuq ticketline.com.mt u għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-grupp, billi jċempel fuq 99460123/ 99649446 jew jibgħat imejl fuq camilleripatrickj@gmail.com.