Tħabbret il-mewt tal-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.
Dan tħabbar minn ibnu Andrew permezz ta’ post fuq Facebook.
Huwa qal kif missieru miet seren u mdawwar minn qrabatu, wara li kien ilu għal dawn l-aħħar snin jiġġieled il-battalja mal-mard. Huwa miżżewweġ lil Rose u għandu tlett itfal: Alexander, Lara u Andrew, u sitt neputijiet.
Fid-9 ta’ Diċembru 2002, inħatar Imħallef u dan l-aħħar kiteb ukoll “L-Elfabett tal-Kodiċi ta’ Organizazzjoni u Proċedura Ċivili” li kellu jiġi mniedi fil-jiem li ġejjin. Ibnu kiteb li kien ilu ħerqan għal din l-okkażżjoni iżda sfortnatament ħalla din id-dinja.
Bosta sellmu l-memorja tal-eks Imħallef Philip Sciberras, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, li fuq il-midja soċjali tenna li Sciberras kien ħassieb, għaref u wieħed mill-aqwa mħuħ legali li qatt ra pajjiżna.
Dr Abela qal li Sciberras kien punt ta’ referenza għal ħafna u t-telfa tiegħu żġur li se tinħass.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja tal-eks Imħallef li ta kontribut kbir fil-qasam ġudizzjarju f’pajjiżna.
Dr Sciberras serva wkoll bħala Deputat fil-Grupp Parlamentari mill-1979 sal-1986.
Huwa kellu wkoll imħabba kbira lejn il-letteratura Maltija fejn bħala awtur u poeta kiteb u ġew ippublikati diversi kitbiet relatati mal-ilsien Malti u publikazzjonijiet legali.
Il-Partit Laburista jagħti l-kondoljanzi lill-familja u qraba kollha tiegħu.