‘Il-Klinika’ hi d-drama prinċipali ta’ ONE għal din is-sena. Din il-produzzjoni, li nħadmet esklussivament għal dan l-istazzjon, fiha għaxar episodji li se jkunu qed jixxandru bejn Ottubru u Diċembru li ġejjin.
Il-kittieb u d-direttur Clayton Pace tkellem magħna biex jispjegalna x’għandhom jistennew it-telespettaturi minn din id-drama ġdida.
Qal, “F’dawn l-aħħar sentejn, RG3 Productions bdejna naħdmu fuq din is-serje innovattiva biex anke lin-nies nagħtuhom xi ħaġa differenti. Ħa jkollna wrestlers Maltin għall-ewwel darba li ħa narawhom joħolqu spettaklu kif jafu huma. Għandna xeni qosra ħafna biex lin-nies ma nagħtuhomx ċans jitilfu l-attenzjoni u ħsibna biex ġbidna ċertu xeni barra minn xtutna. Morna Sqallija, għamilna erbat ijiem hemmhekk, niġbru ċertu shots għal ‘Il-Klinika’.”
U filwaqt li ħafna jassoċjaw il-kelma “klinika” ma’ xi sptar, Clayton qalilna li dan mhux il-każ.
Qal, “Ma jfissirx li ħa nkunu qed naraw serje fuq xi sptar jew tobba – avolja moħħok hemm imur meta tisma’ l-kelma ‘klinika’, però ‘Il-Klinika’ hija keyword.”
ONE dejjem kien pijunier fejn tidħol id-drama lokali u dejjem ta importanza lid-drama fl-iskedi tiegħu.
Diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika lokali juru li d-drama jibqgħu fost l-aktar favoriti mas-segwaċi lokali ta’ dan l-istazzjon, u l-għan ta’ ‘Il-Klinika’ hu li jibqa’ jattira udjenzi ta’ kull età, speċjalment dik żagħżugħa.