Studju ppreżentat fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit, maħruġ mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, jindika li ż-żieda fiċ-Children’s Allowance u d-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja naqqsu r-rata ta’ faqar b’0.43%.
Dan ifisser li, dawn il-miżuri waħedhom mill-baġit li għadda, wasslu biex madwar 2,200 persuna ma baqgħux fir-riskju tal-faqar.
Il-gazzetta KullĦadd, li tat din l-aħbar, tenniet li l-akbar impatt ta’ dawn il-miżuri nħass fost il-familji ta’ single parents u fost il-pensjonanti. Għaldaqstant hi indikazzjoni ċara biżżejjed kemm dawn iż-żewġ miżuri kienu mmirati biex jilħqu l-aktar lil dawk fil-bżonn.
Jirriżulta li, fost il-pensjonijiet, l-impatt pożittiv tal-mekkaniżmu addizzjonali, separat miż-żieda tal-għoli tal-ħajja magħruf bħala l-COLA, kien darba u nofs akbar minn dak li nħass fost il-bqija tal-popolazzjoni bi dħul baxx. Fl-istess ħin, l-effett ta’ tnaqqis fir-riskju ta’ faqar fost familji b’single parents kien madwar ħames darbiet akbar.
Iż-żewġ miżuri wasslu għal titjib fid-dħul fost il-faxxa l-aktar baxxa tal-popolazzjoni, ta’ kważi 5% jew titjib ta’ €365. Dan filwaqt li, fost dawk bi dħul taħt l-€1,000 fix-xahar, dawn il-miżuri tejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom b’1.4% jew b’€150.
Il-KullĦadd kompliet tgħid li d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit jinnota li l-ammont ta’ dawk li kellhom jirrikorru għall-assistenza soċjali, minħabba dħul baxx, naqas b’6% jew b’414-il persuna. Imqabbel mal-2019, din is-sena kien hemm kważi 2,000 persuna inqas dipendenti fuq din l-għajnuna, li jfisser tnaqqis ta’ madwar kwart.
Mill-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja bbenefikaw madwar 47,000 familja u kien investiment soċjali ta’ €16.6 miljun. It-titjib fiċ-Children’s Allowance gawdew minnu aktar minn 41,000 familja u kellu allokazzjoni finanzjarja ta’ €5.6 miljun.
Il-gazzetta qalet li fil-Baġit li jmiss, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 30 ta’ Ottubru li ġej, iċ-Children’s Allowance mistennija tkompli titjieb, waqt li se jerġa’ jitħaddem il-mekkaniżmu addizzjonali.
B’hekk ikompli jkun hemm impatt pożittiv fil-ġlieda kontra l-faqar, waqt li jitjieb id-dħul ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.