Nicholas Farrugia, ta’ wieħed u tletin sena minn Ħal Qormi, tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu, l-għada li ġie arrestat fil-Marsa b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Jonathan Pace, xliet lill-imputat b’pussess tad-droga eroina u kokaina, li allegatament instabu f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.
Huwa ġie akkużat ukoll li kiser sentenzi tal-Qorti u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kien ingħata snin ilu fuq każ ieħor.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat kien arrestat kmieni s-Sibt filgħodu fil-Marsa, wara li fil-vettura tiegħu nstabu numru konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga, lesti biex jinbiegħu, kif ukoll tliet mowbaljs.
Il-Pulizija fittxew ukoll f’residenza li għandu f’Ħal Luqa, fejn instabu madwar żewġ kilogrammi sustanza, suspettata eroina, u madwar nofs kilogramma ieħor aktarx kokaina, b’valur fis-suq ta’ madwar mija u tletin elf ewro.