Id-deputat Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, kien fost persuni li lmentaw li d-dati għall-eżami tas-sewqan kienu qed idumu wisq.
F’rapport fil-ġurnali dwar ilmenti ma’ eks uffiċjal ta’ Transport Malta dwar dewmien fl-eżami tas-sewqan, irriżulta li Beppe Fenech Adami kien fost dawk li talab lill-Ministru Ian Borg, dak iż-żmien responsabbli mit-trasport, biex iwassal l-ilment dwar ibnu. Jirriżulta li Borg wassal ukoll l-ilmenti tiegħu, fl-istess ħin li dejjem qal lill-uffiċjali involuti biex dejjem jimxu mal-liġi.
Għalkemm Beppe Fenech Adami prova jbenġilha mat-Times li ma jiftakarx dan l-episodju jirriżulta iswed fuq l-abjad li l-ilment sar.
Iktar minn sena ilu kien hemm numru ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta li tressqu l-Qorti wara investigazzjoni tal-Pulizija dwar allegati rregolaritajiet fl-eżamijiet tas-sewqan u l-każ jinsab għaddej il-Qorti.
Peró issa t-Times of Malta dawret għajnejha fuq persuni li tul is-snin waslu l-ilmenti li kienu qed jgħaddulhom ċittadini diversi, b’mod partikolari dwar dewmien u dati tal-eżamijiet tas-sewqan.
Mir-rapport jirriżulta li l-ilmenti li twaslu ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, minn negozji għal qassisin, u nies minn kull settur tal-ħajja. Saħansitra minn membri tal-Oppożizzjoni, fosthom Beppe Fenech Adami.