Fil-partita prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa, Birkirkara irritornaw għar-rebħ permezz ta’ rebħa minima ta’ 1-0 kontra r-rivali Hibernians, bil-goal tant importanti għalihom jssal tard fil-partita, eżattament fit-80 minuta mir-Rumen, Andrei Ciolacu.
Kienet partita kollox ma’ kollox bilanċjata u akkanita, bir-riżultat li seta’ jmur kull naħa, hekk kif iż-żewġ timijiet kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom, u ħolqu diversi okkażjonijiet perikolużi tul id-90 minuta.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fil-ħames minuta meta l-ex tal-partita, Ali Diakite, kellu xutt fil-baxx mid-distanza salvat mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone.
Il-Pawlisti wieġbu fl-10 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza tal-captain Bjorn Kristensen li iżda sab lill-goalkeeper Pollakk tal-Istripes, Marcel Zapytowski, attent.
Huma komplew fuq l-offensiva u fid-19-il minuta, Giannis Batsianos għadda tajjeb lejn l-iskorer prolifiku Jurgen Degabriele li kellu x-xutt mill-ewwel bid-dawra tiegħu jiġi salvat minn Zapytowsky.
Birkirakara wieġbu fil-31 minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Diakite ġiet salvata mingħajr wisq diffikultá minn Kone.
Huma komplew jippressaw u fis-26 minuta, Alex Satariano għadda tajjeb lejn Paul Mbong li wiċċ imb’wiċċ ma’ Kone ra lill-goalkeeper internazzjonali tal-Guinea, isalva bi bravura, biex salva goal cert.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Istripes u tliet minuti wara, Alex Satariano, kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ħabat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Simon Zibo dejjem għal Birkirkara, għadda tajjeb lejn Paul Mbong li b’ġest tekniku u bit-takkuna, għadda tajjeb lejn Alex Sataraino li minn pożizzjoni ideali, tefa’ barra.
Fit-63 minuta is-sostitut Adailton Queiroz għall-Istripes kellu konklużjoni mid-distanza tiġi salvata minn mal-art minn Kone.
Hibernians wieġbu permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ madwar 20 metru, Jurgen Degabriele, li ntemm barra.
Huma komplew jagħfsu u fit-73 minuta, cross-shot ta’ Robert Bairam stampa ma’ sieq il-wieqfa, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Iżda kienu Birkirkara, li fethu l-iskor fit-80 minuta, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa għalihom, meta l-captain Yannick Yankam rebaħ il-ballun fil-kaxxa, li ntemm għand is-sostitut, Andrei Ciolacu, li kien ilu biss 10 minuti fil-ground, u li permezz ta’ xutt b’saħħtu u b’xamma kbira għall-goal, tefa’ l-ballun wara Kone, b’dan ikun it-tieni goal staġjonali tiegħu.
Referee: Alex Johnson
BOV Plejer tal-Logħba: Yannick Yankam (Birkirkara FC)