Il-bipolar hi diżordni mentali fejn persuna ssofri minn perjodi ta’ burdati baxxi, riflessi f’dipressjoni, u perjodi ta’ burdati miżjuda jew irritabbli, li jwasslu għal ipomanija jew manija.
Id-diżordni tal-Bipolar, jista’ jkollha impatt serju fuq l-aspetti personali, familjari, soċjali u fix-xogħol fil-ħajja tal-persuna.
Hu stmat li madwar 6,000 persuna fil-gżejjer Maltin isofru minn din id-diżordni.
Dejjem tibqa’ l-ħtieġa li jintefa’ iżjed dawl fuq is-suġġett, għax minkejja l-fatt li hawn ħafna għarfien dwar id-dipressjoni u s-suwiċidji, xorta waħda ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lill-bipolariżmu.
ONE News tkellem ma’ Albert McCarthy, li ilu jsofri mid-diżordni bipolari għal dawn l-aħħar 25 sena. Hu stqarr li d-diżordni tista’ tiġi kkontrollata, għax illum l-ewwel tmur għand it-tabib li, imbagħad, jirreferik għand psikjatra li, min-naħa tiegħu, jagħtik il-kura meħtieġa.
Waqt li kompla jgħid li d-diżordni tista’ tiġi kkontrollata permezz ta’ mood stabilizers, McCarthy saħaq dwar l-importanza li wieħed ifittex l-għajnuna minnu fih.
“Għall-bidu affettwatni, għall-bidu spiċċajt jien stess ma nafx jekk iniex jien, imma nerġa’ ngħidlek, meta jiena allura l-psikjatra tani dak li hu neċessarju għalija u jien obdejtu, għax dik l-importanti għal ħafna jmorru u jibdew jgħidu u le xejn mhu jaħdem fuqi jew iżjed agħar jibdew jieħdu l-pilloli u jħossu ruħhom li ġew għall-aħjar u jieqfu.”
F’dan ir-rigward, tkellimna wkoll ma’ Noelene Farrugia, assistant manager u trainee psikoterapista, li spjegatilna s-sintomi ewlenin tad-diżordni, kif tiġi djanjostikata, kemm hi komuni u modi ta’ kura disponibbli.
“Bħala kundizzjoni mhijiex xi ħaġa li se titlaq wara ċertu żmien. Ħafna drabi narawha qisha xi ħaġa li hi lifelong, jiġifieri li tibqa’ miegħek ħajtek kollha, però jekk wieħed jieħu trattament kemm ta’ mediċina u hawn ukoll terapija effettiva, terapija bil-kliem, ħa tgħin dak l-individwu jerga’ jsib l-istabilità fil-ħajja tiegħu fejn l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum ikunu għaddejjin aktar b’ritmu tajjeb.”
Il-Fondazzjoni Richmond ħolqot il-‘Be Positive Bipolar Self-help Group’ fejn persuni li jsofru mid-diżordni u dawk li jieħdu ħsiebhom jiltaqgħu biex jaqsmu u jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom.
Dawn il-laqgħat normalment isiru kull xahar fil-Kappella Russa, fil-Palazz ta’ San Anton, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.
Biex wieħed jikseb l-għajnuna jew informazzjoni għandu jidħol fuq is-sit uffiċjali www.bipolarmalta.org. Persuna tista’ tibgħat imejl fuq selfhelp@bipolarmalta.org jew iċempel fuq il-helpline 1770.