Is-Summit tal-MED 9 f’Malta l-Ġimgħa wera b’mod konkret il-messaġġ li jibgħat il-Prim Ministru Malti Robert Abela, li pajjiżna huwa ċentru għal djalogu u pjattaforma biex jitwasslu l-valuri Ewropej u jitqajjmu l-kwistjonijiet tal-Mediterran quddiem l-Unjoni Ewropea.
Dan kien is-sentiment ewlieni li espremiet ma’ dan l-istazzjon, l-avukat Rachel Powell fl-analiżi tagħha dwar dak li ġie maqbul f’pajjiżna.
“L-iktar ħaġa importanti li naħseb wieħed jista’ jislet minn dawn id-diskussjonijiet kollha li saru hija l-bżonn li flimkien mal-ġirien tagħna nestendu r-relazzjonijiet mhux biss mal-Ewropa iżda wkoll mal-pajjiżi l-oħrajn. Dan huwa punt importanti ħafna għaliex din hija waħda mill-policies illi Malta tisħaq ferm fuqha li jkollha relazzjonijiet tajba mhux biss mal-pajjiżi Ewropej iżda wkoll mal-pajjiżi Afrikani u lil hinn minn xtutna.”
Dak li tkellmet dwaru Dr Powell kien rifless ukoll fid-diskors li għamel il-President Franċiż Emmanuel Macron, li nnota kif f’pajjiżna, fejn anki kellu laqgħat bilaterali importanti mal-Prim Ministru Taljan u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, intlaħaq qbil dwar diversi temi inkluż li jirrigwardjaw il-ġejjieni b’rabta mal-qalba diġitali.
“As far our European investment is concerned what it has been remembered by the Italian Prime Minister and the Maltese Prime Minister, we must confirm, affirm the statement and have a clear determination so that our Europe can be a leader of the digital transformation.”
Il-valur tal-ospitalità f’pajjiżna, kien ukoll punt li tkellmet magħna dwaru Dr Powell li rreferiet ukoll għal parti mid-diskors tal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.
“Din hija valur importanti li aħna bqajna nħaddnu tul is-snin tant illi kif qalet ukoll per eżempju, il-Prim Ministru tal-Italja Meloni hemm legami, hemm rabtiet profondi ħafna bejn Malta u dawn il-pajjiżi b’mod partikolari fil-każ tagħha kienet qed tirreferi għall-Italja iżda lil hinn mill-Italja anki mal-pajjiżi l-oħra.”
Intant, Meloni ma faħħritx biss ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi anzi stqarret kif din ir-relazzjoni se sservi ta’ pedament għal aktar kooperazzjoni fil-ġejjieni, inkluż l-isfida tal-immigrazzjoni illegali.
“Fil-jiem li għaddew bgħatt lill-Prim Ministru Abela fejn tlabt appuntu biex niffaċċjaw din il-kwistjoni u rrid nirringrazzjah talli għamel dan u rrid nirringrazzja lill-kollegi għax fid-dikjarazzjoni finali hemm ħafna elementi konkreti, serji, li jaffrontaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni, inkluż dawk li ġew suġġeriti mill-Italja.”
Lil hinn mid-dikjarazzjonijiet li għamlu dawn iż-żewġ mexxejja importanti anki fuq livell Ewropew, il-Prim Ministru tal-Islovenja u l-Portugall, Robert Golob u António Costa wkoll rringrazzjaw lill-Prim Ministru Malti għall-ospitalità li ntlaqgħu biha.
Robert Golob: “Dear Prim Abela, dear Robert thank you for hosting us here and I am pretty sure we will remember all of us in this meeting, not just because of the nice setting but also because we had a very fruitful discussions and all the decisions and conclusions were taken uninomously.”
António Costa: “Well, thank you very much Robert for your very kind hospitality in this meeting.”
Dawn l-istqarrijiet mill-mexxejja li ġew f’pajjiżna juru kif l-għan li pajjiżna li jservi ta’ pjattaforma bejn diversi pajjiżi inkluż dawk mill-Afrika ta’ Fuq, ntlaħaq u se jservi ta’ benefiċċju fil-Kunsill Ewropew ix-xahar id-dieħel fejn il-pajjiżi tal-Mediterran mistennija li jikkomunikaw pożizzjoni komuni li ġiet stabbilità f’pajjiżna.