Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nediet is-servizz ta’ konsulenza b’xejn lill-SMEs dwar l-inizjattivi relatati mal-ambjent, is-soċjal u l-governanza li jridu jgħaddu għall-għanijiet tal-ESG.
Is-servizz se jkun jikkonsisti f’kampanja ta’ għarfien dwar is-suġġett, avvenimenti u wkoll laqgħa individwali apposta għal dawk li jixtiequ jibdew jaħdmu fuq is-suġġett jew jagħmlu aktar.
Għalkemm għadd ta’ negozji huma interessati li jagħmlu t-tranżizzjoni, in-negozji ż-żgħar jista’ jkun li mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi interni u l-impenn li jagħmlu dan waħedhom.
Is-servizz ta’ konsulenza tal-ESG b’xejn se jikkontribwixxu biex jgħinu lil dawn in-negozji, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi u l-għarfien espert.
Il-laqgħat konsultattivi se jsiru flimkien ma’ WEAVE Consulting, kumpanija esperta u ċertifikata tal-ESG li tipprovdi rakkomandazzjonijiet u gwida mfassla apposta għan-negozji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigial Agius Mamo, qalet li din it-tnedija hi mpenn ċar min-naħa tagħhom biex jassistu lill-SMEs fit-tranżizzjoni lejn mudell ta’ negozju aktar sostenibbli.
“Hu importanti ħafna li aħna, bħala rapreżentanti tal-businesses, nagħmlu l-biċċa tagħna wkoll u nkunu punt ta’ referenza fejn jidħol din il-mixja li rridu jagħmlu.”
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Weave Consulting, Dr Roberta Lepre, qalet li dan is-servizz, li għadu kif tnieda, se jagħmilha aktar faċli għall-SMEs biex jeżaminaw l-opportunitajiet ta’ negozju disponibbli u jidentifikaw oqsma ewlenin ta’ titjib fi ħdan in-negozju tagħhom.
“Flimkien mal-SME Chamber se nkunu qegħdin ngħinu lill-intrapriżi żgħar biex jipprovaw jifhmu eżatt x’inhi ESG, ir-rwol tagħhom u kif huma jistgħu jkunu aktar innovattivi permezz tal-ESG.”
Waqt it-tnedija ta’ dan is-servizz ġdid, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, tkelmet dwar kif din l-inizjattiva hi xhieda ta’ kif l-istakeholders kollha f’pajjiżna qed jagħrfu l-importanza li lkoll irridu nagħtu sehem fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, għal futur aktar sostenibbli.
“L-għan tagħna bħala Gvern hu li naraw li aktar intrapriżi, irrelevanti jekk humiex kbar jew żgħar, jaħdmu u l-operat tagħhom ikun wieħed ambjentalment sostenibbli.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, laqa’ wkoll l-inizjattiva u spjega li din tikkumplimenta l-iskema attwali tal-ESG Grant, li kienet ġiet mħabbra mill-Malta Enterprise.