“Nistgħu naraw differenza ċara bejn Gvern Laburista li jipprova jġib l-interess ta’ pajjiżu l-ewwel u qabel kollox u l-Oppożizzjoni li tipprova biss biex f’kull okkażjoni tagħmel ħsara lil pajjiżha.”
Dan kien il-messaġġ tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet mmexxija mill-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba sostna kif din l-aħħar ġimgħa kienet ġimgħa importanti ħafna għal pajjiżna anke fid-dawl li Malta kienet fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea, hekk kif ospitat is-summit tal-MED 9.
Huwa qal li Malta u l-Unjoni Ewropea għandhom sfidi komuni fosthom l-immigrazzjoni irregolari u t-tibdil fil-klima u b’hekk is-Summit tal-MED9 kien opportunità tad-deheb biex jiġu diskussi dawn it-temi.
Fil-fatt, Agius Saliba elenka diversi temi li ġew diskussi fid-dikjarazzjoni uffiċjali tas-summit tal-MED9, li ġiet maqbula bejn il-mexxejja tal-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, il-Portugall, is-Slovenja, l-Italja u Malta, u s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej ta’ Spanja.
Madankollu Agius Saliba rrimarka li waqt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kienet fuq l-ajruplan biex tiġi f’pajjiżna, l-Ewroparlamentari David Casa ddeċieda li jibgħat ittra lill-Kummissjoni u jsejjaħ biex jiġi skattat mekkaniżmu li bih lil pajjiżna itelfu minn fondi ewropej.
B’hekk, issokta jgħid li dan jixhed id-differenza bejn iż-żewġ partiti.
Filwaqt li sostna kif il-Gvern Malti laqa’ b’entużjażmu l-kliem ta’ tifħir li l-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet favur Malta u tenniet b’mod ċar li l-Unjoni Ewropea qiegħda fuq in-naħa ta’ Malta, imbagħad issib lill-Partit Nazzjonalista jipprova jitfa’ dell ikrah fuq affarijiet li l-President tal-Kummisjoni Ewropea qed tħalli impatt pożittiv fuqhom.
“Rajna lill-Presiden tal-Kummissjoni Ewropea li tgħidilna b’mod skjett, b’mod ċar li l-Unjoni Ewropea tinsab fuq in-naħa ta’ Malta. Ma jistax ikollok statement iktar b’saħħtu minn hekk. Imbagħad ikollok il-Partit Nazzjonalista li jinqeda bil-kap tad-delegazzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew lil David Casa biex jipprova jimmina dan kollu. ”
Agius Saliba fakkar ukoll kif ftit taż-żmien ilu Alex Borg, kelliem għal Għawdex tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-Gvern falla fejn jidħol l-investiment f’Għawdex. Madankollu, ilbieraħ stess il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea żaru l-iskola tan-Nadur li qed tiġi rrinovata b’investiment ta’ €6.3 miljun.
Alex Agius Saliba temm jgħid li l-Gvern se jkompli jiġbdu ħabel wieħed mhux bħall-Oppożizzjoni li baqgħet u tibqa’ distruttiva filwaqt li tipprova ttappan lil pajjiżna.
Min naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tkellem dwar tal-akbar pakkett ta’ fondi ewropej li qatt irċieva pajjiżna u li bihom pajjiżna għamel avvanz kbir fejn ir-rati ta’ Malta huma fost l-akbar fl-Unjoni Ewropea.
Bonett, elenka wkoll il-pakkett ta’ fondi ta’ €820 miljun f’fondi ta’ koeżjoni li bihom se naraw aktar investimenti diġitali u ambjentali.
Huwa qal li l-iktar ħaġa importanti hija l-iżvilupp soċjali tan-nies.
“Nemmnu li dan il-pajjiż se jibqa’ jkollu għażla. Jew magħna u timxi ‘l quddiem bi prosperità ġdida jew mal-oppożizzjoni biex nerġgħu mmorru lura għall-awsterità li konnha rajna sal-2013 u l-istaġnar li sfortunatament aħna u qegħdin nitkellmu, qegħdin narawh f’pajjiżi oħra ġirien tagħna Ewropea u qed narawhom li ma tantx jidher li għandhom a solution in sight. Allura l-għażla quddiemna hija ċara. ”
Bonett spjega li ħa gost jisma’ lil Von der Leyen tfaħħar l-implimentazzjoni f’diversi proġetti minn fondi Ewropej.
Bonett qal kif id-differenza hija ċara meta tara partit li qed jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin kollha b’diversi sussidji li ngħataw fl-aħħar xhur u l-Partit Nazzjonalista li jipprova jtappan dan kollu.
Huwa qal li l-Gvern huwa sodisfatt li l-Unjoni Ewropea hija fuq in-naħa ta’ Malta.
Bil-kontra ta’ dak li qal il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, Bonett spjega li dan huwa l-ewwel Gvern li ddedika l-akbar pakkett ta’ fondi lejn il-gżira Għawdxija u ma jista’ jmisshom ħadd, jiġifieri jridu jiġu investiti kollha f’Għawdex.
Bonett temm jgħid li f’dan il-pajjiż b’Partit Laburista fil-Gvern jista’ jkollok prospetti għall-futur.