Illum waranofsinhar il-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
It-taħditiet iffokaw fuq is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran fejn Von der Leyen tat ħarsa ġenerali lejn il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-kwistjoni mal-partijiet konċernati fix-xhur li ġejjin.
Il-President Vella rrefera għat-talba konsistenti ta’ Malta għal solidarjetà mal-pajjiżi l-aktar esposti u għal soluzzjoni ħolistika bħala parti minn sħubija komprensiva.
Ġew diskussi wkoll l-iżviluppi fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq fid-dawl tal-politika tal-UE dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar. Saret referenza wkoll għall-aktar xenarju riċenti marbut mal-Balkani tal-Punent u t-tkabbir tal-Unoni Ewropea.
Il-Presidenti ddiskutew l-impatt globali mifrux tal-Gwerra tar-Russja fl-Ukrajna b’referenza partikolari għall-kriżi tal-enerġija u l-ftehim tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-ċereali.