Il-mexxejja kollha tal-MED9 kellhom kliem ta’ tifħir għal Malta u għall-mod kif il-Prim Ministru Malti Robert Abela mexxa dan is-summit, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta li fuqha kien hemm qbil.
Wara li wassal l-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fil-Pjazza ta’ quddiem il-Katidral tal-Imdina, indirizzat lill-midja l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni.
Hawn hi qalet kif id-dikjarazzjoni li ġab qbil fuqha Robert Abela, fiha ħafna azzjonijiet konkreti. Kif anke kien mistenni hi ffokat l-indirizz tagħha fuq il-migrazzjoni illegali, ħaġa li wkoll qed tkun pjaga kbira f’pajjiżha.
Qalet, “Fil-jiem li għaddew bgħatt lill-Prim Ministru Abela fejn tlabt appuntu biex niffaċċjaw din il-kwistjoni u rrid nirringrazzjah talli għamel dan u rrid nirringrazzja lill-kollegi għax fid-dikjarazzjoni finali hemm ħafna elementi konkreti, serji, li jaffrontaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni, inkluż dawk li ġew suġġeriti mill-Italja.”
Wara, bil-lingwa Franċiża, tkellem il-President Franċiż, Emmanuel Macron, li wkoll kien ċar fi kliemu meta bħal Prim Ministru Malti tenna dwar l-importanza tal-koperazzjoni bejniethom. Hawnhekk huwa rringrazzja lill-Prim Ministru Abela tal-ospitalità tiegħu.
Il-Prim Ministri Kyriakos Mitsotakis tal-Greċja, Antonio Costa tal-Portugall u Andrej Plenkovic tal-Kroazja t-tlieta li huma semmew l-importanza tas-summit tal-MED9 u kif b’mod pożittiv bejniethom huma trattaw it-tibdil fil-klima, l-effetti tal-pandemija, kif l-UE trid tkompli tindirizza l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, l-isfidi dinjija oħra li jaffetwa lil dawn il-pajjiżi, it-tisħiħ tal-fruntieri u anke d-drittijiet tal-bniedem.
Hawnhekk anke ma naqasx li l-Prim Ministru Grieg jinnota l-għajnuna li Malta bagħtet, permezz ta’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jgħinu fil-ħerba li ħallew in-nirien is-sajf li għadda f’pajjiżu minħabba t-temp estrem lil laqat lill-Ewropa.
Qal, “Thank you all for the support you offered Greece during what was a very difficult Summer where we faced some of the worst fires and the worst floods in history.”
Nikos Christodoulides ta’ Ċipru, u warajh il-Prim Ministru Sloven, Robert Golob, li tkellmu u messu mal-istess temi, għamlu referenza għas-sigurta fl-ikel, it-turiżmu, l-isfidi kbat li qed iħallu d-diżastri naturali u l-ħidma li għandha ssir biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tar-reġjun tan-Nofshinar.
Uħud mill-mexxejja semmew id-diżastri li ħalla t-temp estrem f’pajjiżhom, filwaqt li anke nnutaw il-bżonn li issa wasal iż-żmien sabiex jissaħħaħ il-fond u l-allokazzjoni tal-Multi-Annual Financial Frameweok sabiex jgħin f’każijiet bħal dawn, li sfortunatament ikollhpm eventwalita traġika.
Finalment, jirrappreżenta lil Spanja kien hemm Is-Segretarju tal-Istat Spanjol Pascual Navarro Rios, li nnota l-impenn tal-MED9 sabiex jiġu solvuti sfidi komuni.
Kull mexxej qal kif iħares ‘il quddiem għas-Summit tal-MED9 is-sena d-dieħal li se tkun qed issir f’Ċipru.