Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, ħabbret l-attivitajiet skedati fl-okkażjoni tal-Konferenza Ġenerali bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, li se titnieda l-Ħadd l-1 t’Ottubru, bis-sehem tal-Prim Ministru Robert Abela u maratona ġbir ta’ fondi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Dr Attard semmiet li, fost l-attivitajiet li se jsiru f’ġimgħa sħiħa tal-Koneferenza, semmiet żjarat li se tkun qed tagħmel l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fid-distretti kollha f’pajjiżna.
Qalet “Interessanti li fil-ġimgħa tal-Konferenza Ġenerali, din se ddur it-13-il distrett, jiġifieri Malta u Għawdex kollha, permezz tal-attivitajiet u ukoll iż-żjarat li se jkun hemm f’diversi komunitajiet minn bdiewa, komunitajiet sportivi, komunitajiet li jaħdmu fil-qasam ambjentali.”
Dan minbarra li, matul il-ġimgħa wkoll se ssir serje ta’ workshops li jibdew mit-Tlieta 3 t’Ottubru fis-6:00 ta’ filgħaxija fl-MCAST, fejn se jsir il-workshop ‘Malta ta’ Ħiliet’, biex ikompli jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, waqt li l-Erbgħa 4 t’Ottubru fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jiġu diskussi l-komunitajiet li rridu ngħixu fihom.
Dawn il-workshops huma miftuħa għal kulħadd fejn jista’ jikkontibwixxi bl-ideat tiegħu anke fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Ġimgħa 6 t’Ottubru, f’Villa Bighi, fil-Kalkara, se ssir diskussjoni organizzata min-Nisa Laburisti dwar is-saħħa, kemm dik mentali kif ukoll dik fiżika.
Qalet “Se tkun verament Konferenza Ġenerali li qed nistaqsu mhux biss lid-delegati, għax din hi l-ogħla organu tal-Partit Laburista, iżda wkoll lill-membri kollha, lill-istakeholders, lil kull min għandu idea x’jaqsam biex jikkontribwixxi għall-viżjoni politika tagħna.”
Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista se tingħalaq b’diskors fil-plenarja mill-Prim Ministru Robert Abela f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd 8 ta’ Ottubru.
Din l-aħħar sessjoni, li se jkun hemm arranġamenti tat-trasport biex wieħed jasal b’faċilità fil-post, se tiftaħ fl-10:30 ta’ filgħodu.