L-assoċjazzjoni lokali tad-Down Syndrome, li tirrappreżenta eluf ta’ persuni b’din il-kundizzjoni, irreferiet fi stqarrija għas-sentenza ġudizzjarja li ngħatat b’rabta ma’ kliem ta’ mibegħda u żebliħ permezz ta’ meme fuq il-midja soċjali f’April tal-2020.
Nhar il-Ħamis il-Qorti mmultat għaxart elef ewro lil Luke Mihalic, ta’ disgħa u għoxrin sena min-Naxxar, talli ppubblika kumment offensiv fuq Facebook fil-konfront ta’ persuni bid-Down Syndrome.
L-assoċjazzjoni laqgħet il-kundanna, għax fi kliemha tirrikonoxxi u tibgħat messaġġ b’saħħtu li l-ebda persuna b’diżabiltà m’għandha tiġi eskluża jew redikolata.
Fl-istqarrija, ingħad li, fejn tidħol inklużjoni, pajjiżna għamel avvanzi kbar, inkluż is-sena li għaddiet meta l-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Inklużjoni, mexxa u għadda liġi kontra dan it-tip ta’ diskors ta’ mibegħda, inkluż fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità.
L-Assoċjazzjoni wkoll ikkundannat bla riservi kummenti li saru fl-aħħar sigħat fil-konfront tal-Ministru Julia Farrugia Portelli, u dan għax dejjem emmnet fil-persuni b’diżabilità. Il-pajjiż għandu bżonn aktar persuni li ma jibżgħux ikunu vuċi għal min hu vulnerabbli.
L-NGO irringrazzjat lis-CRPD u lill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Oliver Scicluna, li kien mexxa u ddefenda bil-qawwa kollha dan il-każ.