Aktar kmieni llum, għall-ħabta tal-10:00 a.m., il-Pulizija ġiet informata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’residenza fi Triq Claire E. Engel, f’San Ġiljan.
Minn stħarriġ preliminari fuq il-post, jirriżulta li raġel ta’ 41 sena, li hu residenti l-Belt Valletta, waqa’ żewġ sulari minn fuq scaffolding waqt li kien qed jaħdem fil-bitħa tar-residenza.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza, li ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseanne Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għadhom għaddejjin.